Lokali

Tmiem il-ġimgħa ta’ suċċess għall-Isport Malti

L-isport Malti fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet immarka diversi suċċessi f’kompetizzjonijiet varji barra minn xtutna.

Fi stqarrija l-Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar saħaq li l-Partit Nazzjonalista nnota b’sodisfazzjon is-suċċess miksub mill-kontiġent Malti tal-Ispecial Olympics Malta meta f’Antwerp , il-Belġju , l-atleti Maltin irnexxielhom jirbħu 58 medalja waqt l-edizjoni tas-sajf tal-Ispecial Olympics Europe. Dan ir-rebħ tal-medalji kien jikkonsisti f’24 deheb , 16 fidda u 18 bronz. Il-Partit Nazzjonalista faħħar id-dedikazzjoni u l-isforzi li jagħmlu id-dirigenti tal-Ispecial Olympics Malta, flimkien mal-ġenituri ta’ dawn l-atleti żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali.

Suċċessi oħra għal Malta kienu miksuba ukoll f’żewg dixxiplini oħra sportivi fi tmiem il- ġimgħa . Żewg żeffiena Maltin, Gilbert Lucas Bugeja u Kelly Chircop, irnexxielhom jiksbu l-ewwel post fil-kampjonati Mondjali taż-żfin Latin America fis-sezzjoni żgħażagħ, li saru fil-Lussemburgu fi tmiem il-ġimgha li għaddiet. Il-PN jifraħ liż-żewg żeffiena Maltin għas-suċċess miksub.

Cutajar kompla li fl-isport tal-karate, Malta irnexxielha tirbaħ xejn inqas minn 14-il medalja waqt il-kampjonati għall-Istati Żgħar li saru fl-aħħar jiem fil-Lussemburgu. Dan ir-rebħ tal-medjali kien jikkonsisti f’sitta deheb, erbgħa fidda u erbgħa bronz. Anke hawn il-PN jifraħ lill-atleti kif ukoll lill-Federazzjoni Maltija tal-Karate.

Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jinnota b’sodisfazzjon dawn is-suċċessi kollha miksuba minn atleti Maltin, iwiegħed li se jkompli jagħti l-appoġġ kontinwu tiegħu lill-isport Malti. Filwaqt li tirbaħ huwa tragward importanti f’kull dixxiplina sportiva , il-PN jinnota ukoll l-isforzi li jsiru mill-assoccjazzjonijiet sportivi u l-atleti Maltin fejn il-valur tal-volontarjat jibqa’ wieħed li jispikka.

Cutajar ikkonkluda li l-Partit Nazzjonalista determinat li jkompli jagħti sehmu biex f’pajjizna dejjem aktar tixxettel kultura favur l-isport, filwaqt li nkomplu nisħqu dwar l-importanza tiegħu għal pajjiżna. L-isport għandu l-ingredjenti kollha biex is-soċjeta Maltija tkompli tikber b’saħħitha kemm fizikament kif ukoll psikoloġikament, u rridu nkunu aħna li niżguraw li din il-kultura tidħol fil-Maltin u l-Għawdxin kollha.