Qorti fiċ-Ċina ikkundannat akkademiku prominenti mill-komunita tal-Uighur biex jiskonta l-ħabs għal għomru. Dan wara li hi sabitu ħati dwar inizjattivi konnessi mas-separatiżmu.
Ilham Tohti hu skular magħruf u s-sentenza li weħel hi meqjusa bħala waħda straordinarja peress li hu la jista’ jitqies bħala attivista għall-indipendenza u wisq anqas bħala ‘terrorista’.
Fil-fatt, Tohti ħareġ jitkellem favur ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunita (Musulmana) tal-Uighur f’minoranza u l-awtoritajiet f’Beijing u avolja hu ikkritika diversi drabi l-politika tal-Gvern komunista Ċiniż fil-konfront tal-Uighur, li huma bbażati fir-reġjun ta’ Xinjiang.
Il-korrispondenti qalu li ċ-Ċina qed taddotta sanzjonijiet dejjem aktar iebsa fil-konfront ta’ elementi li hi qed tqis bħala ‘separatisti’ u fi żmien meta żdiedet il-vjolenza marbuta ma’ Xinjiang. Madankollu, il-grupp Amnesty International ikkundanna l-verdett dwar Ilham Tothi bħala wieħed deplorevoli u speċjalment ladarba l-akkademiku kien ilu jinżamm taħt arrest minn Jannar li għadda.
L-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u n-Nazzjonijiet Uniti kollha sejħu għall-ħelsien ta’ Tohti, bl-avukati ta’ dan l-akkademiku itenni li hu beħsiebu jappella mis-sentenza.
L-avukati qalu wkoll li Tohti m’għandu l-ebda skop li jivvendika ruħu u li hu xorta waħda se jkompli jaħdem għal djalogu bejn l-Uighur u l-komunitajiet Ċiniżi l-oħra.
//= $special ?>