Wasal iż-żmien li ċertu dilettantiżmu fil-qasam tax-xogħol tal-kostruzzjoni jieqaf. Il-professjonalità f’dan il-qasam illum hi xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Dan qalitu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) fi stqarrija dwar numru ta’ inċidenti li minn żmien għal żmien iseħħu fil-postijiet ta’ kostruzzjoni.
Filwaqt li tagħraf b’mod pożittiv l-isforzi kollha li jsiru mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA), l-MDA ħeġġet lil kulħadd biex isegwi l-linji-gwida li jeżistu għal dan is-settur. Fakkret kif, sfortunatament, uħud mill-inċidenti fil-postijiet ta’ kostruzzjoni anke jkunu fatali.
L-MDA sostniet li hu d-dover tagħha li tara li l-provvedimenti meħtieġa jkunu osservati, tant li ġieli kienet hi stess li ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati biex jittieħdu passi kontra min ma josservax ir-regoli. Ħabbret li se tpoġġi l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq is-sit elettroniku tagħha, www.mda.org.mt.
//= $special ?>