Internazzjonali

Daħal fil-White House armat sa snienu

Ir-raġel li, nhar il-Ġimgħa, daħal illegalment fil-kumpless tal-White House kellu ammont eżaġerat ta’ munizzjon, minbarra sikkina u żewġ mannaretti fil-karozza tiegħu.

Fil-fatt, Omar Gonzalez, veteran tal-Armata Amerikana li kkonkluda s-servizz fl-Iraq, kien qed iġorr is-sikkina meta waqqfuh l-uffiċjali tas-servizzi sigrieti fl-artijiet tal-White House. Hu, intant, qed ikun imfisser bħala ‘periklu għall-President tal-Istati Uniti’.

Il-President Amerikan, Barack Obama ma kienx fil-White House fil-ħin meta Gonzales ixxabbat ma’ fence u daħal fil-kumpless – fejn inqabad fuq filmat waqt li hu kien qed jiġri qalb il-ġonna tal-White House.

L-istess raġel kien anki spiċċa arrestat, f’Lulju li għadda, meta hu nstab fil-pussess ta’ żewġ azzarini u mappa li kienet tindika l-White House. Hu, issa, qed jiffaċċja l-akkużi li daħal illegalment f’zona ristretta u fejn kellu arma li setgħet tintuża bi skop qattiel. Intant, is-servizzi sigrieti Amerikani żiedu s-sigurta fl-inħawi tal-White House minbarra li qed jirrevedu l-proċeduri tas-sigurta fl-inħawi.