Ambjent Lokali

Il-Gvern bi kliem fieraħ dwar l-enerġija nadifa​

Għalkemm il-gvern qiegħed ta’ spiss jitkellem dwar il-problemi li jġib miegħu it-tibdil fil-klima, dan huwa biss kliem fieraħ li mhux iwassal għall-ebda riżultati konkreti.

Tenna dan il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino fi stqarrija li fiha spjega kif il-pjan għan-National Renewable Energy (NREAP) għadu ma ġiex ippublikat mill-gvern. Dan id-dokument li kien ġie ppreparat mill-amministrazzjoni preċedenti, u saħansitra maqbul mal-Unjoni Ewropea, kellu jiġi mibdul biex jadatta għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ viżjoni u l-ebusija ta’ ras dan il-Gvern li jiġġenera livelli esaġerati ta’ enerġija bl-impjant f’Marsaxlokk. Dan allura jnaqqas il-ħtieġa li l-gvern jakkwista ġenerazzjoni t’enerġija nadifa.

F’Ġunju tal-2013 il-Ministru Konrad Mizzi kien ħabbar li dan id-dokument kellu jinbidel sa’ Settembru 2013. Illum, sena wara, dan id-dokument għadu ma ġiex ippublikat.

Fuq is-settur tal-enerġija nadifa, saru wkoll diversi mistoqsijiet parlamentari. Il-Ministru Konrad Mizzi rnexxilu pero’ jaħrab minn dawn il-mistoqsijiet fosthom fir-rigward tar-reġistrazjoni tal-art biex fuqha jiġu installati pannelli fotovoltaiċi mis-settur privat, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni fl-istqarrija.

B’dawn il-fatti kollha quddiemna u numru ta ‘ mistoqsijiet mhux imwieġba, il-Partit Nazzjonalista għandu dubji serji dwar jekk il-Gvern hux se jirnexxielu jilħaq il-miri tiegħu fir-rigward tal-enerġija nadifa, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.