Ilha ħierġa l-istatistika dwar l-impjiegi li turi xahar wara xahar l-impjiegi mal-gvern telgħin. Dal-Gvern reġġa’ lura xejra li kienet ilha għaddejja mill-1987 li l-impjiegi li jiżdiedu jkunu dawk produttivi mal-privat. Din ix-xejra kienet wasslet biex fuq 25 sena l-impjiegi mal-privat jitilgħu minn nofs l-impjiegi kollha, għal tliet kwarti.
3,700 ruħ mal-gvern mill-elezzjoni
Issa għadha kemm ħarġet l-istatistika dwar l-impjiegi għal April li għadda li turi li mill-elezzjoni ġenerali sa April li għadda żdiedu 2,042 impjieg mal-gvern. ‘Żdiedu’, għax meta tqis li minn mal-gvern jirtiraw 1,500 ruħ fis-sena, il-Gvern Laburista daħħal miegħu mat-3,700 ruħ fi tlettax-il xahar.
‘Riklassfikazzjoni’ qal il-Prof Scicluna
Il-Ministru tal-Finanzi, il-Profs Edward Scicluna, malli ħarġet din l-istatistika qal li ż-żieda fl-impjiegi mal-gvern mhijiex vera imma ġejja biss minn riklassifikazzjoni tal-impjiegi, jiġifieri differenza fil-mod kif jintwerew fl-istatistika.
Riklassifikazzjoni fi ħdan il-gvern, mhux bejn gvern u privat
Kull min jara l-istatistika li ħarġet għal April jara ċar li kien hemm riklassifikazzjoni ta’ 3,000 ħaddiem mal-gvern li qabel kienu jidhru fit-tabella bħala ħaddiema fil-‘kostruzzjoni’ mal-gvern u l-Uffiċċju tal-Istatitika ddeċieda li jibda jurihom taħt ‘amministrazzjoni pubblika’, dejjem mal-gvern. Jiġifieri dal-ħaddiema kienu murijin mal-gvern qabel, u baqgħu murijin mal-gvern wara.
Il-Profs Scicluna mgiddeb mill-istatistika…
Mela ż-żieda ta’ ħaddiema mal-gvern mhux veru ġejja minn xi riklassifikazzjoni. U kulħadd seta’ jara dan mill-istatistika ppubblikata stess. Imma l-Profs Scicluna baqa’ jgħid li ż-żieda ġejja mir-riklassifikazzjoni; imeri s-sewwa magħruf.
…u mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Istatistika
Biex tagħqad, il-Kap tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wkoll giddeb lill-Profs Scicluna. Imma l-Profs Scicluna jibqa’ jmeri s-sewwa magħruf minn kull min jara l-istatistika u s-sewwa magħruf ikkonfermat mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Istatistika.
Jew injorant jew giddieb
Kieku ħa żball ġenwin, il-Profs Scicluna kien jiskuża ruħu u barra bid-daqq. Imma le, ma ammetta l-ebda żball, anzi baqa’ jinsisti. U allura l-għażla hi ċara: il-Profs Scicluna jew injorant fl-istatistika u lanqas jaf jaqra table sempliċi, jew gideb. M’hemmx minn fejn joħroġ. U l-Profs Scicluna żgur mhux injorant fl-istatistika.
Marda tal-gideb tal-mistħija
U allura s-serjetà f’dil-ħaġa hi kbira. Għax li l-Ministru tal-Finanzi ta’ pajjiżna jigdeb fuq l-istatistika, jitfa’ dubju kbir fuq dak kollu li hu stess jgħid fuq il-finanzi tal-Gvern, fuq l-ekonomija u fuq iċ-ċifri kollha li jikkummenta fuqhom. Apparti li hi ħaġa tal-mistħija li l-Profs Scicluna wkoll qabditu l-marda tal-gideb sfaċċat li qed tikkaratterizza lil dal-Gvern.