Ħareġ tieni filmat tal-ġurnalista Britanniku, John Cantlie, li qed jinżamm ostaġġ mit-terroristi tal-IS fis-Sirja u meta hemm ukoll l-inkwiet dwar id-distin ta’ turist Franċiż fl-Alġerija li inħataf minn militanti li għandhom ir-rabtiet mal-grupp Stat Iżlamiku.
It-tieni filmat ta’ Cantlie ħareġ anqas minn ġimgħa mindu hu deher fuq video għall-ewwel darba u meta l-Britanniku ilu jinżamm fis-Sirja mill-2012. L-aħħar filmat li jdum sitt minuti ħareġ waqt li l-Istati Uniti u l-alleati Għarab kienu qed jattakkaw il-miri tal-IS fis-Sirja, u fih Cantlie jerġa’ jikkundanna lill-Gvern tiegħu ‘talli abbandunah’.
Cantlie, li deher jaqra minn diskors ippreparat, qal ukoll li l-iżvilupp mgħaġġel tal-grupp IS bħala forza qabad lill-Gvernijiet tal-Punent fuq sieq waħda u li l-Punent ma kkalkulax l-entużjażmu u l-kapaċitajiet ta’ dan il-grupp. Il-Britanniku wissa wkoll li d-dinja tista’ qed tara l-iżvilupp ta’ katastrofi ġdida ‘fuq l-istess livell tal-gwerra fil-Vjetnam’.
Sadanittant, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Laurent Fabius, qal li pajjiżu se jagħmel minn kollox biex jeħles lit-turist, Herve Gourdel, li spiċċa f’idejn militanti mal-grupp Jund al-Khilafa, iżda sostna li s-sitwazzjoni hi ‘kritika ħafna’. Gourdel inħataf nhar il-Ħadd fiz-zona Alġerina ta’ Kabylie u l-militanti li qed iżommuh heddew li joqtluh dment li Franza tkompli tgħin fl-offensiva fuq il-miri tal-grupp IS fl-Iraq.
//= $special ?>