L-Istati Uniti u numru ta’ pajjiżi alleati magħha, fosthom anke pajjiżi Għarab, wettqu l-ewwel attakki mill-ajru fuq il-qagħdiet tal-Istat Iżlamiku (IS) fis-Sirja. Uffiċjali Amerikani qalu li l-pajjiżi li ħadu sehem fl-attakk kienu l-Għarabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Ġordan, il-Bahrain u l-Qatar.
Dawn l-attakki jwettqu l-wegħda li għamel il-ġimgħa li għaddiet il-President Amerikan Barack Obama, li l-Istati Uniti se tolqot lill-IS fis-Sirja ukoll. S’issa, l-Istati Uniti wettqu aktar minn 190 attakk fuq il-militanti fl-Iraq.
Rapporti mhux ikkonfermati jgħidu li l-attakki, li saru permezz ta’ ajruplani u missili cruise sparati minn vapuri, kienu kkonċentrati fuq il-belt ta’ Raqqa, fil-Lvant tas-Sirja, li ilha taħt idejn il-militanti tal-IS għal aktar minn sena.
Sadanittant, kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Sirjan qal li l-Gvern Sirjan kien infurmat li se jsiru dawn l-attakki.
//= $special ?>