Il-President Amerikan, Barack Obama, u mexxejja oħra prominenti ħadu sehem f’summit ta’ jum fi New York li kien jitratta l-bidliet fil-klima u li kien organizzat min-Nazzjonijiet Uniti.
Il-ħsieb wara s-summit hu li l-Istati-membri tan-NU jingħataw l-istimolu xieraq biex jiffirmaw għal ftehim globali ġdid u komprensiv li jirrigwarda l-klima, waqt taħditiet li se jsiru s-sena d-dieħla f’Pariġi ( fi Franza).
Din kienet l-ewwel laqgħa fuq livell hekk għoli mis-summit ta’ Copenhagen li kien sar fl-2009 u s-Segretarju-Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, talab lill-Mexxejja tal-120 pajjiżi preżenti fi New York biex jieħdu huma l-inizjattiva lejn il-ħarsien tal-klima.
Ban Ki-moon insista dwar l-importanza li l-Mexxejja tad-dinja ‘jaqbdu rotta ġdida f’dan il-qasam’. Intant, in-negozjati ewlenin dwar il-bidliet fil-klima kienu mistennija jsiru waqt ikla privata li kellu jorganizza s-Segretarju-Ġenerali tan-NU u fejn kellhom jattendu bejn għoxrin u tletin Mexxejja ta’ pajjiżi minn lista ‘selettiva’.
Madankollu, l-awgurju mhux daqstant pożittiv u dan minħabba li l-Mexxejja taċ-Ċina u r-Russja ma kenux preżenti għas-summit.
Intant, il-President Obama hu fost il-protagonisti li qed jiġġeneraw l-appoġġ internazzjonali għall-battalja kontra l-bidliet fil-klima u meta hu wissa li nuqqas ta’ azzjoni għandu jitqies bħala tradiment għall-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>