Għaxar kaċċaturi, tnejn minn Ħaż-Żabbar, tnejn minn Wied il-Għajn, Għawdxi, wieħed miż-Żurrieq, Rabti, kaċċatur minn Ħad-Dingli, ieħor mill-Mosta u kaċċatur minn Birkirkara tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia mixlijin li xewwxu, u wettqu konġura, li ftehmu biex iwettqu reat nhar il-Ħadd li għadda waqt protesta li saret minnhom f’jum l-Indipendenza.
Huma nżammu arrestati.
Tnejn minnhom kienu mixlijin ukoll li kellhom fil-pusses tagħhom armi ta’ imitazzjoni, li skont il-liġi huwa reat. Kien hemm minhom li ġew mixlijin ukoll li tkellmu ħażin u tnejn minnhom li ħebbew għall-membri tal-media u tlieta li waddbu l-ġebel.
Disa’ kaċċaturi li tressqu flimkien ġew mixlijin li bi 43 akkuża li kollha huma prattikament relatati, fosthom li tellfu jew naqqsu l-ġieħ tal-Prim Ministru ta’ Malta billi weġġawh bi kliemhom, li nġabru f’ġemgħa ta’ aktar minn 10 minn nies b’li skop li jagħmlu reat u li ftehmu jew għamlu konġura.
Minn informazzjoni li għandna, l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ u mhux eskluż li jitressqu aktar persuni relatat ma’ dan il-każ. Il-Qorti għad trid tagħti deċiżjoni dwar jekk dawn jingħatawx il-liberta’ l-liberta’ proviżorja jew le.
Id-disa’ kaċċaturi huma Alan Mizzi ta’ 22 sena miż-Żebbuġ -Għawdex, Oliver Borg ta’ 43 sena u David Spagnol ta’ 44 sena minn Wied il-Għjan, Krist Callus ta’ 24 sena miż-Żurrieq, Brian Grech ta’ 21 sena mir-Rabat, Simon Camilleri ta’ 24 sena u Josmar Buhagiar ta’ 26 sena, t-tnejn minn Ħaż-Żabbar, Arnold Farrugia ta’ 21 sena minn Ħad-Dingli u Gabriel Farrugia ta’ 19-il sena mill-Mosta.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Daryl Borg, l-Ispettur Jurgen Vella u Edel Mary Camilleri flimkien mas-Supretendent Carmelo Bartolo fejn xliet ukoll lil Arnold Farrugia u Gabriel Farrugia li fil-Belt, Valletta kellhom arma, anke jekk hija immitazzjoni u Farrugia, li waddab ġebel lejn persuni oħrajn.
Brian Grech u Alan Mizzi wkoll kienu mixlijin li waddbu l-ġebel u li tkellmu ħażin, kliem li jikkonsisti f’dagħa. Mizzi ġie mixli wkoll li waddab oġġetti iebsin lejn twieqi.
Sadanittant Krist Callus ġie mixli wkoll li mhux biss tkellem ħażin iżda ħebb għal cameraperson Mark Zammit Cordina tat-Times of Malta u dan bil-ħsieb li jdejjqu jew jagħmillu ħsara u li sar reċidiv. Anke David Spagnol ġie mixli li ħebb għal Mark Zammit Cordina u li ħebb ukoll għall-ġurnalista tat-Times Ivan Martin.
Simon Camilleri li kkommetta reat waqt operazzjoni ta’ sentenza sospiża. Gabriel Farrugia ġie mixli wkoll li għamel ħsara fi propjeta’ u li kkommetta reat waqt il-perjodu operattiv tal-probation u li żamm lixka ta’ għasafar protetti.
L-Avukat Franco Debono f’isem id-difiża qal li mhux sew li l-akkużati jinżammu arrestati peress li dawn għandhom dritt għal-liberta’ kif tgħid il-liġi, fejn huwa d-dmir tal-Pulizija li għandha ġġib il-provi kollha malajr kemm jista’ jkun, u dan huwa li jgħid l-kodiċi. Żgur li l-provi ma nġiebux mill-aktar fis possibbli.
Tkellem ukoll l-Avukat Michael Sciriha li qal li dimostrazzjoni spontanja mhijiex reat, u dan kien hemm każijiet fil-passat fejn il-Qorti qalitu dan, fejn qalet li dan huwa dritt tal-liberta’ tal-espressjoni. Qal li d-disa’ minn nies li qed jiġu akkużati huma ħaddiema, għandhom delizzju, ma jistgħux jiksru l-liġi, iżda dawn jistgħu jitilfu l-impieg tagħhom, jekk jinżammu arrestati.
Huwa staqda fejn teżisti l-biża li l-akkużati mhumiex se jattendu għal meta jkollhom il-kawża tagħhom. Qal li min jikser l-ordnijiet tal-liberta’ proviżorja huwa reat fih inniffsu u għalhekk jekk jiksru l-“bail” jieħdu dak li ħaqqhom.
L-ewwel ma tressaq kien Christian Aquilina ta’ 26 sena minn Birkirkara, li tressaq għalih waħdu u ġie mixli wkoll li kkonġura biex juri mibgħeda u disprezz lejn il-Gvern ta’ Malta. Huwa ġie mixli wkoll li m’għamilx avviż bil-miktub biex isir xi forma ta’ “meeting” lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, bl-Avukat tiegħu Raphael Fenech Adami qal li huwa ma tefa’ l-ebda kummenti li jxewwex fuq il-media soċjali, Facebook- kif qed tgħid ukoll il-Pulizija. Qal li lanqas kien preżenti għat-tali attivita’. Qal ukoll li l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa.
L-Avukat Fenech Adami qal li kull ma għamel kien li tefa’ “post” li se ssir protesta. Tenna li huwa neħħa dan il-kumment mill-ewwel u kkopera mal-Pulizija u għamel talba għal-liberta’ proviżorja, liema talba kienet miċħuda f’dan l-istadju minnħabba li jistgħu jiġu kontaminati l-provi, peress li għad hemm xhieda pajżana li jridu jixhdu. Għall-kaċċaturi l-oħra deheru l-Avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Lucio Scirha, Anthony Cutajar, Shazoo Ghaznavi.
Aktar kmieni…
11-il kaċċatur li ħadu sehem fil-protesta tal-Ħadd li għadda, illum mistennija jitressqu l-Qorti wara l-inċidenti li nqalgħu. Huma mistennija jitressqu quddiem il-Qorti għall-ħabta tal-3.45pm.
Il-kaċċaturi se jitressqu l-Qorti wara li ġew arrestati mill-Pulizija dwar il-protesta fil-Belt u l-inċidenti fil-Buskett. Huma mistennija jiffaċċjaw diversi akkużi, fosthom dwar vjolenza, theddid u li urew arma finta fil-pubbliku.
//= $special ?>

