Joe Bugeja hu persuna kkwalifikata u Uffiċjal Għoli fis-Servizz Pubbliku f’Malta. Ir-riżenja tiegħu minn Kummissarju tal-Artijiet saret minħabba indħil politiku li qed jimmina s-Servizz Pubbliku. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-MEPA u l-Propjetajiet Pubbliċi Ryan Callus f’konferenza tal-aħbarijiet wara li l-istil ta’ tmexxija tal-Gvern, b’indħil politiku dirett, poġġiet lid-Dipartiment tal-Propjetajiet Pubbliċi fi kriżi u qed toħloq firda fost il-ħaddiema tal-qalba u dawk li m’humiex.
Quddiem il-Bini tad-Dipartiment fil-Berġa tal-Baviera, Ryan Callus qal li Joe Bugeja tpoġġa f’sitwazzjoni impossibbli, hekk kif kien qed ikun eskluż minn numru ta’ laqgħat u deċiżjonijiet importanti, iżda fl-istess waqt baqa’ legalment responsabbli meta jkun hemm xi forma ta’ kontestazzjoni fil-Qrati. Callus qal li Bugeja hu vittma ta’ stil ta’ tmexxija politika li tippermetti indħil assolut.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni rrefera fost oħrajn dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-Australia Hall lill-Partit Laburista u l-iskandlu tal-Café Premier, meta l-Gvern ta kumpens ta’ aktar minn €4 miljun biex ħa lura l-propjetà tiegħu stess. Fakkar kif Joe Bugeja stqarr ċar u tond quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) li ma kellu xejn x’jaqsam dwar id-deċiżjoni sfurzata biex id-Dipartiment iwaqqa’ l-kawża kontra l-Partit Laburista.
Dwar il-kumpens tal-Café Premier, hu fatt magħruf minn kulħadd li Bugeja kellu jaġixxi fuq ordni dirett tal-Kabinett permezz tal-Konsulent tal-Prim Ministru John Sciberras biex jawtorizza l-kumpens ta’ €4.2 miljun ħalli jieħu lura propjetà pubblika. Callus kompla jgħid li mill-elezzjoni ‘l hawn, twaqqaf ukoll is-servizz tat-telefon 1157, fejn wieħed seta’ jirrapporta illegalitajiet fi propjetajiet tal-Gvern b’mod kunfidenzjali.
Bil-mod kif ġie trattat Joe Bugeja juri kemm il-kliem ta’ Muscat dwar professjonalità fis-servizz pubbliku hu biss kliem fieragħ, temm jgħid Ryan Callus.
//= $special ?>