Lokali

Ritratti: In-nuqqas ta’ Pulizija f’San Ġiljan qed iħalli “rebus”

Minkejja li ġlieda li seħħet bil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għaddew f’Paceville ħalliet sitt persuni feruti u fi bżonn ta’ assistenza medika, s’issa l-Korp tal-Pulizija għad m’għandu l-ebda rapport. Il-ġlieda kienet rappurtata esklussivament fuq MaltaRightNow.com l-għada li seħħ il-każ.

Mara fost dawk li spiċċaw feruti, allegatament b’daqqa ta’ sieq minn grupp ta’ bouncers aktarx barranin, tkellmet ma’ MaltaRightNow.com u spjegat kif dan kollu nqala’ għax hi u sħabha, li għandhom bejn it-30 u s-36 sena, riedu jidħlu f’bar f’Paceville bi flixkun li kienu xtraw mill-istess stabbiliment. Spjegat li “f’daqqa waħda ma nafx minn fejn ġew balla bouncers minn kullimkien, kollha m’ogħla hawn u tgħidx x’xebgħa tawhom … tliet kontra wieħed”.

Il-mara spjegat li kawża tal-ġlieda, wieħed minnhom spiċċa b’wiċċu mifqugħ mal-ħġieġ u b’ħames punti f’geddumu. L-ieħor qala’ xebgħa b’banketta u komplew ituh waqt li kien mal-art “sakemm ma ċċaqlaċx aktar”, filwaqt li kuġin ieħor tagħha li mar biex iferraq spiċċa qala’ daqqa ta’ ponn u b’feriti f’għajnejh.

Spjegat ukoll kif lanqas hi u r-raġel tagħha ma ħelsuha. Qaltilna li minħabba li r-raġel tagħha hu xi ftit qawwi, il-bouncers damu ftit biex tefgħuh mal-art. Għaldaqstant, daru kollha kontrih u bdew ituh. Meta pprova jaħrabilhom, qabduh, tefgħuh mal-art u baqgħu jtuh. Qalet li waqfu jtuh biss meta hi mteddet f’nofshom, tant li qalgħet daqqa hi wkoll.

Madankollu, minkejja li skont l-istess mara waslu fil-post il-Pulizija, MaltaRightNow.com reġa’ vverifika mal-Korp li ma sar l-ebda rapport. Jirriżulta li dan seħħ minħabba li l-Għassa ta’ San Ġiljan tinsab f’nuqqas serju ta’ Uffiċjali biex ilaħħqu mar-rapporti. Fil-fatt, fil-lejl li seħħet il-ġlieda, fl-Għassa ta’ San Ġiljan kien hemm biss tliet Uffiċjali li riedu jlaħħqu mal-aktar post f’Malta li jsiru rapporti.

Informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com tgħid li din is-sena, s’issa diġà saru aktar minn 6,000 rapport fl-Għassa ta’ San Ġiljan biss. Dan ifisser 1,000 aktar mill-istess xhur tal-2013. Madankollu u minkejja dan, l-ammont ta’ Uffiċjali assenjati għal San Ġiljan naqas minn 10 għal sitta. Dan qed iwassal biex l-Uffiċjali jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ kju ta’ persuni biex iressqu rapport.

Barra minhekk, il-Pulizija li qed jagħmlu r-ronda f’San Ġiljan qed jispiċċaw fil-mira ta’ persuni fis-sakra jew ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’ ġlidiet li jinvolvu numru kbir ta’ persuni. Sewwieqa tat-taxi, sidien ta’ stabbilimenti u ħwienet, kif ukoll ħaddiema li jaħdmu f’San Ġiljan, iddeskrivew ma’ MaltaRightNow.com is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ “rebus”. Spjegawlna kif anke l-preżenza tal-Uffiċjali kienet qed tkun biżżejjed biex jonqos il-ġlied u l-kriminalità.

Sadanittant, ġlieda oħra li seħħet stess bil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd quddiem lukanda ewlenija f’San Ġiljan, involviet madwar seba’ żgħażagħ u xufier. Din il-ġlieda kienet kbira tant li persuna minnhom ittieħdet mimlija demm lejn il-Poliklinika tal-Furjana.

(Ritratti: Tlieta mis-sitt persuni feruti fil-ġlieda)