Qorti

Seba’ xhur ħabs fuq serqa minn fuq anzjan u li sar reċediv

Stephen Nappa, ta’ 33 sena u residenti l-Belt, ġie kkundannat seba’ xhur ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li s-Sibt li għadda waranofsinhar seraq €80 u li sar reċidiv. Mill-provi rriżulta li Nappa għandu problema serja tat-teħid ta’ droga.

Is-serqa seħħet għall-ħabta tan-12.30pm fil-Ħamrun u kienet tikkonsisti fi flus kontanti għad-dannu tal-anzjana Mary Chircop, ta’ 73 sena. Il-Qorti kkunsidrat il-kondotta xejn nadifa ta’ Nappa u anke l-fatt li ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.

Mill-provi rriżulta li l-anzjana kienet miexja b’walking aid u Nappa mar jgħinha biex taqsam it-triq. Madankollu, waqt li kien qed jagħmel dan, poġġa l-affarijiet tiegħu fil-baskett tagħha. Wara li għenha taqsam it-triq, hu qabad il-baskett u ħadu b’kollox, b’Chircop tgħajjat għall-għajnuna. Nappa telaq jiġri mill-post.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li kienet qed tirrakkomanda li l-imputat jingħata l-għajnuna kollha neċċessarja waqt li jkun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba l-vizzju tad-droga. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Grech.