Persuna li kienet fost l-ewwel li waslet fuq il-post fejn kien inqatel il-messaġġier tal-Bank Of Valletta Alphonse Ferriggi fit-18 ta’ Settembru 2000 qalet fil-Qorti li l-vittma kellu nofs wiċċu mtajjar.
Sadanittant, għal darba oħra, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli reġgħet ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja taż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil tiegħu, James Vella ta’ 33 sena minn Ħal Qormi magħruf bħala “Il-Frejżer” u Christopher Scerri ta’ 35 sena minn Tal-Pietà magħruf bħala “Gazzetti” jew “Buttuni”. Qalet li hemm aktar persuni li jridu jixhdu fil-każ u għalhekk għadu mhux propizju li l-akkużati jingħataw il-pleġġ għalissa.
Ferriggi kien inqatel meta kien qed jiddepożta xi dokumenti tal-bank, iżda l-aggressuri ħasbu li kien qed jiddepoiżta flus kontanti. Il-qtil seħħ għall-ħabta tal-5.30am f’San Ġwann, bil-vittma jitlef ħajtu fil-post kawża ta’ tiri ta’ arma tan-nar, b’tir minnhom f’rasu jkun dak fatali. B’rabta mal-każ, Joseph Zammit, ta’ 57 sena mill-Furjana, u Richard Grech, ta’ 47 sena minn Ħal Qormi magħruf bħala “Iz-Zinnanna” kienu għaddew ġuri u semmew lill-akkużati.
Grech kien mar għomru l-ħabs, filwaqt li Joseph Zammit qed iservi sentenza ta’ 30 sena ħabs wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali kienet naqsitlu sena u nofs ħabs f’ġuri separat, li fih instab ħati ta’ kompliċità fil-qtil. James Vella u Christopher Scerri wkoll mistennija jgħaddu ġuri.
Fil-kumpilazzjoni tal-lum, l-espert fil-first aid Chris Mangion, illum ġurnalist u li kien fost l-ewwel persuni li waslu fil-post tad-delitt, spjega fil-Qorti kif il-vittma kellu nofs wiċċu mtajjar b’tir sparat lejh. Mangion, li kien jagħmel xogħol ta’ first aid ma’ St John’s Ambulance Brigade, kien fuq il-bejt tal-ġenituri tiegħu meta sema’ l-ispartatura li qatlet lil Ferriggi. Qal li mill-ewwel ġab l-apparat mediku li kien juża’ u ġera lejn ix-xena tar-reat. Ix-xhud qal li kif wasal, sab lil Ferriggi miksi fid-demm u b’nofs wiċċu mtajjar. Qal li l-vittma miet ftit tas-sekondi wara.
Illum xehdet ukoll l-eks tfajla ta’ Grech, li isimha ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti. Hi qalet li ġurnata wara l-qtil, Grech kien qalilha li kien spara lejn raġel u li kien jemmen li qatlu. Qalet li hi ma kinitx emmnitu għax kien iħobb jibblaffja, iżda li madankollu qatt ma staqsietu xejn fuq il-każ. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-akkużati, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Chris Pullicino u Keith Arnaud.
//= $special ?>

