Lokali

Il-Gvern joħloq sit elettroniku u ‘leaflets’ biex jgħin lill-immigranti jintegraw

Il-Gvern ħoloq sit elettroniku u nieda leaflets b’seba’ lingwi biex jgħin lill-immigranti jintegraw fis-soċjetà Maltija. Dan ħabbritu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, id-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli waqt wieħed mis-seminars ma’ entitajiet pubbliċi li qed isiru biex jiġu diskussi mezzi kif titnaqqas il-burokrazija. Dan is-seminar sar fil-bini tal-Ministeru li tmexxi Dalli.

Helena Dalli qalet ukoll li l-Gvern qed jippjana li jressaq Liġi fil-Parlament biex persuni transgender ikollhom id-dokumentazzjoni tagħhom, fosthom il-Karta tal-Identità u ċertifikazzjoni ta’ eżamijiet, mibdula b’mod awtomatiku meta jbiddlu s-sess tagħhom. B’hekk, wieħed ma jkollux għalfejn joqgħod jgħaddi minn proċessi legali żejda, tenniet il-Ministru Dalli. Qalet ukoll li l-Gvern se jiffaċilita l-proċessi legali għall-koppji li jikkoabitaw.

Il-Ministru Dalli qalet li qed jinħolqu wkoll information kiosks fiċ-ċentri tal-ħwienet biex il-konsumaturi jkollhom aċċess fil-post għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom. Irreferiet għall-Parkinson’s Law, li hi bbażata fuq il-ħsieb li jekk wieħed jimpjega ħafna nies għal biċċa xogħol, dawk il-ħaddiema jtawlu l-proċess tax-xogħol biex jiġġustifikaw l-impjieg tagħhom.

Għaldaqsatnt, qalet Helena Dalli, il-Gvern irid jara li l-ħaddiema jkunu qed jagħtu l-massimu tagħhom f’xogħol imqassam tajjeb u mhux imġebbed biex jiġġustifika l-impjieg tagħhom. Filwaqt li rreferiet għal din it-teorija, fl-ebda mument waqt id-diskors tagħha ma’ rreferiet għaċ-ċifri li juru li f’sena l-Gvern żied miegħu 2,000 ħaddiem u għaliex kienu meħtieġa daqstant ħaddiema f’sena waħda.