Ambjent Lokali

Il-PM fi New York biex jitkellem dwar il-bidla fil-klima

L-impenn ta’ Malta biex ikunu miġġielda l-effetti tal-bidla fil-klima kienu mfissra mill-Prim Ministru Joseph Muscat meta fi New York indirizza s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima. Bħala Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi kommessa u kburija li tagħmel parti minn grupp ta’ pajjiżi attivi biex inaqqsu l-livelli ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra ħalli jittaffew l-effetti tal-bidla fil-klima.

Muscat kompla li Malta kellha tegħleb ħafna sfidi biex tilħaq il-miri stabbiliti fi ħdan l-UE iżda dan ma naqqasx l-isforzi ta’ Malta biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet. Semma’ kif bħal pajjiżi oħrajn, Malta m’għadhiex tħallas għal żieda fl-attività b’żieda fl-emissjonijiet. Fil-fatt, mill-1990 s’issa, il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta żdied b’260% iżda l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu b’55%.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jippreżenta quddiem il-Parlament Liġi dwar l-Azzjoni fuq il-Klima, li se jkun il-qafas tal-policies tal-Gvern f’dan il-qasam tant importanti.