Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, waqqfet lill-Gvern milli jagħti “transfer politiku” lid-Diplomatika Antoinette Cutajar, li minn mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ried jibgħatha ma’ kumpanija li tmexxi lill-ħaddiema tat-tarzna. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Diplomatika li, f’kawża fil-Qorti, qalet li l-kuntratt tagħha hu wieħed indefinit. Għaldaqstant, kien ippreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni minħabba li kienet se tiġi trasferita għal mal-kumpanija IPSL.
Il-Qorti qablet mal-argumenti ta’ Cutajar, li qalet li hija Uffiċjal Pubbliku u l-Gvern ma kellux dritt ikeċċiha u jibgħatha ma’ kumpanija oħra li m’għandha x’taqsam xejn max-xogħol li ilha teżerċita. Aktar minhekk, il-Qorti qalet li ma setgħetx tifhem kif il-Gvern ried jimpjega lil Cutajar ma’ kumpanija li twaqqfet għal eks ħaddiema tat-tarzna u dawk tax-Shipbuilding meta din għandha l-kwalifki fix-Xjenza Politika.
Il-Gvern kien argumenta li Antoinette Cutajar ma kinitx impjegata wara sejħa pubblika, iżda bħala persuna ta’ fiduċja mill-Gvern preċedenti. Madankollu, Cutajar kienet waħda minn dawk li ntlaqtet mill-mewġa ta’ transfers li ma qatgħet xejn u għalhekk kellha tieħu l-każ tagħha fil-Qorti. Għal Antoinette Cutajar deher l-Avukat Karol Aquilina.
//= $special ?>