Sport

Ivan Ramiro Cordoba se jżur Malta

L-Inter Club PUPI Zanetti Malta b’kollaborazzjoni ma’ Luxol Sports Club ħabbar li se jiġi organizzat kamp ta’ taħriġ ta’ tlett ijiem li se jgħati opportunita lit-tfal Maltin u Għawdxin li jkunu fil-grawnd mal-eks plejer ta’ Inter, Ivan Ramiro Cordoba.

Waqt iż-żjara tiegħu se jiġu wkoll organizzati xi attivitajiet b’risq il-Fundacion Columbia te quiere ver onlus, li hi organizzazzjoni bla profitt maħluqa minn inizjattiva ta’ Cordoba stess, għat-tfal Kolombjani. Il-Fondazzjoni tippromwovi u tappoġġja programmi ta’ saħħa, edukazzjoni u sports, speċjalment immirati lejn l-aktar tfal fil-bżonn.

Cordoba lagħab 324 partiti uffiċjali u skorja 15-il goal ma’ Inter u barra minnhekk kien ukoll il-viċi captain tat-tim. Cordoba irrapreżenta ukoll lil pajjizu, il-Kolombja 73 darba u serva wkoll bħala captain. Fil-karriera tiegħu Cordoba rebaħ il-kampjonat Taljan ħames darbiet, il-Coppa Italia erba’ darbiet, is-Supercoppa Italiana erba’ darbiet, iċ-Champions League u t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs.

L-uniku suċċess tiegħu mal-Kolombja kienet meta rebaħ il-Copa America fl-2001. Fil-finali kontra l-Messiku kien proprju Cordoba li skurja l-gowl rebbieħ.