L-għaqda li rajna nhar is-Sibt u l-Ħadd fiċ-ċelebrazzjoni tal-ħamsin anniversarju tal-Indipendenza issa rridu nittraduċuha f’azzjoni u fatti biex l-għaqda ma tkunx għad-dehra u għall-mument imma metodu politiku veru u għat-tul.
Proposta prattika li twettaq l-għaqda
Dan kien essenzjalment il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, fid-diskorsi li għamel fl-Indipendenza. U għamel proposta prattika: li jkollna Jum Nazzjonali, kif kellna f’Malta għal ħafna snin u kif għandhom ħafna pajjiżi, u li dan ikun Jum l-Indipendenza.
Il-bieb għall-iżviluppi ta’ wara
L-Indipendenza hi l-kisba tas-sovranità, jiġifieri Kostituzzjoni u liġijiet li nibdluhom aħna biss kif irridu u ħadd aktar. Mingħajr is-sovranità, l-ebda żvilupp li seħħ wara ma kien ikun jista’ jseħħ. Dan hu argument li ma jista’ jmerih ħadd.
Ġest sabiħ ħafna mill-Partit Laburista
Li l-Jum Nazzjonali jkun il-21 ta’ Settembru, ikun ġ est sabi ħ ħafna l-aktar fil-fatt mill-Partit Laburista. Għax kieku jaċċetta, il-Partit Laburista jkun qed juri bil-fatti li hu verament dispjaċut għas -snin twal li matulhom neħħa l-21 ta’ Settembru minn festa pubblika u dawk li kienu jiċċelebrawh kienu jiġu mżebilħ in u attakkati mill-Pulizija u minn partitarji Laburisti fosthom bil-ġebel u bil- gass tad -dmugħ.
Ma qalx le, imma…
Il-Gvern Laburista wieġeb għall-proposta billi qal li diskussjoni dwar Jum Nazzjonali wieħed tista’ ssir meta jkun hemm emendi għall-Kostituzzjoni. Waqt li ma qalx le għal Jum Nazzjonali li jkun Jum l-Indipendenza, il-Gvern ipprova jiżvija.
Liġi differenti
Għax il-liġi dwar il-Jum Nazzjonali mhijiex parti mill-Kostituzzjoni. Kieku kienet parti mill-Kostituzzjoni, żgur li Jum l-Indipendenza qatt ma kien ikun jista’ jitneħħa minn festa pubblika minn Gvern Laburista .
Unur tal-PN li dejjem iċċelebrahom kollha
Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista ma tneħħi xejn mill-għarfien li l-festi nazzjonali l -oħrajn dejjem kellhom mill-Partit Nazzjonalista. Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem iċċelebraw kif jixraq kull festa nazzjonali u mhux talli ma neħħew l-ebda waħda minnhom, talli Gvern Nazzjonalista fl-1989 ż ied is-Sette Giugno.
Seta’, imma ried qbil
U waqt li dak il-Gvern Nazzjonalista seta’ kieku ried għamel Jum Nazzjonali li jkun Jum l-Indipendenza, dan m’għamlux għax Gvern Nazzjonalista dejjem ried li dan isir bi qbil, kif irid il-Partit Nazzjonalista issa.
Ċans tad-deheb
Jekk issa l-Partit Laburista qed jitkellem fuq l-għaqda u l-Prim Ministru Muscat qal bil-kliem li l-Indipendenza hi għal qalbu ħafna, għandu ċans tad-deheb biex dan jurih bil-fatti.