L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) appella mill-ġdid lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga minnufih it-theddid lil numru ta’ membri tal-media li lbieraħ filgħaxija kienu qed isegwu l-proċeduri fil-Qorti fil-konfront tal-kaċċaturi wara l-protesta li saret il-Ħadd li għadda, u li fiha ġurnalisti kienu għal darb’oħra mhedda u attakkati bi vjolenza.
L-IĠM ħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati biex jipproteġu lill-membri tal-media waqt il-ħidma tagħhom u li kull rapport li daħal lill-Pulizija jiġi investigat bla dewmien. L-IĠM ħeġġeġ ukoll lill-membri tal-media biex jirrappurtaw minnufih lill-awtoritajiet konċernati kull theddid li sar jew li jista’ jsir fil-konfront tagħhom.
Fi stqarrija, l-IĠM sostna l-kundanna tiegħu għan-nuqqas ta’ ċiviltà u nuqqas ta’ rispett li ntwera lbieraħ lejn istituzzjonijiet demokratiċi fil-pajjiż.
//= $special ?>