Edukazzjoni Lokali

Li għalliema jkollhom seba’ lezzjonijiet minflok sitta kuljum jmur kontra l-ftehim mal-Gvern – l-MUT

Wara korrispondenza li ntbagħtet mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi, dwar il-fatt li numru konsiderevoli ta’ għalliema ġew assenjati seba’ lezzjonijiet kuljum minflok in-numru maqbul ta’ sitta, il-Union tal-Għalliema (MUT) qalet fi stqarrija li l-ftehim li ntlaħaq bejnha u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex ikun hemm iċ-ċaqlieq minn 37 lezzjoni għal 40 kull ġimgħa nvolva numru ta’ salvagwardji, fosthom il-limitu ta’ sitt lezzjonijiet kuljum.

Skont l-MUT, id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi ma fittixx li jimplimenta din il-miżura maqbula għax is-software dwar it-timetable ma kienx emendat biex jassigura limitu ta’ sitt lezzjonijiet kuljum. L-MUT qalet ukoll li d-Direttorat ma ħariġx struzzjonijiet lill-iskejjel biex joqgħodu mal-limitu miftiehem. Minħabba l-fatt li dan kollu jikkostitwixxi ksur tal-ftehim, l-MUT ordnat lill-għalliema u l-Kapijiet tad-Dipartimenti kollha biex ma jattendux laqgħat dwar is-suġġetti jew oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-Pjan ta’ Żvilupp fl-Iskola.

L-MUT ordnat ukoll lill-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel biex ma jemendawx it-timetables jew li jagħmlu xi arranġament ieħor biex isolvu l-kwistjonijiet tas-seba’ lezzjonijiet fil-ġimgħa. L-MUT qalet li dawn id-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sakemm tkun sodisfatta li d-Direttorat iwettaq l-emendi kollha meħtieġa biex il-ftehim milħuq ikun rispettat.