Lokali

Madwar 1,000 persuna arrestati fuq traffikar ta’ persuni, droga u kriminalità oħra

Fis-sigħat li għaddew Pulizija minn 34 pajjiż, fosthom bosta pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea nkluż Malta, temmew b’suċċess dik li hi meqjusa bħala l-akbar offensiva li qatt saret b’mod internazzjonalment kollettiv kontra l-kriminalità. F’din il-ħidma kbira kienu arrestati aktar minn 1,000 persuna, li qed ikunu investigati dwar traffikar ta’ persuni, dwar traffikar ta’ droga, kif ukoll dwar tipi oħra ta’ kriminalità.

L-operazzjoni kollha kienet immexxija mill-Europol f’The Hague, fl-Olanda, u kienet mifruxa fuq il-jiem li għaddew biex ġiet konkluża lbieraħ. Il-Pulizija Maltija ħadet sehem b’mod attiv f’din l-offensiva kbira, kemm permezz tal-Intelligence tagħha, kif ukoll fir-rigward ta’ immigranti li jinsabu Malta, biex ikun magħruf aktar dwar immigranti irregolari li jinsabu illegalment fit-toroq. Nifhmu li l-Pulizija Maltija kienet f’kuntatt kontinwu mal-Pulizija l-oħra, kollegi fid-diversi pajjiżi fl-Ewropa.

Minn informazzjoni li rnexxielu jikseb MaltaRightNow.com jirriżulta li matul din l-operazzjoni kbira l-Pulizija rnexxielhom isalvaw madwar 30 tifel u tifla Rumeni, li kienu lesti biex jiġu traffikati. Barra minhekk, inqabdu wkoll madwar 200kg eroina u madwar 600kg kokaina. Il-valur tad-droga fis-suq jammonta għal somma kbira ta’ ewro.

Hu mifhum li fost dawk arrestati u li qed jgħinu lill-Eurpol, kien hemm madwar 170 persuna involuti fit-traffikar tan-nies. Dawn qed jinżammu fil-pajjiżi fejn kienu arrestati biex mhux biss ikunu interrogati, imma biex jintefa’ aktar dawl dwar dak li qed jiġri fil-kriminalità tat-traffikar tan-nies. Il-Pulizija fi ħdan l-UE hi konxja tal-kriminalità qawwija dejjem tikber tat-traffikar tan-nies, kif ukoll taċ-ċrieki perikolużi involuti fin-negozju tal-ġarr tal-immigranti irregolari minn pajjiżi fit-Tramuntana tal-Afrika għan-Nofsinhar tal-Ewropa.

Sfortunatament, bosta minn dawn il-vjaġġi qed jiżviluppaw fi traġedji sħaħ, b’laneċ mimlija immigranti irregolari jispiċċaw jegħrqu u jitilfu ħajjithom. Matul dan is-Sajf reġgħu kienu rrappurtati għadd ta’ traġedji fil-Mediterran. Kien minħabba f’hekk ukoll li kienet organizzata “Operation Archimedes”, f’tentattiv li l-Pulizija Ewropea f’kordinament bejn il-pajjiżi kollha involuti jaħdmu id f’id u jiġġieldu l-kriminalità organizzata.

Hu mifhum li l-investigazzjonijiet, it-tfittxijiet li saru u l-arresti fl-operazzjoni kienu mifruxa fuq bosta bliet u rħula fil-pajjiżi Ewropej b’kordinazzjoni sħiħa mal-Eurojust, il-Frontex u l-Interpol.