Qorti

Mixli li seraq mill-maħżen tal-familja

Raġel ta’ 22 sena miż-Żejtun ġie mixli quddiem il-Maġistrat Francesco Depasqule li seraq diversi oġġetti mill-maħżen tal-familja tiegħu, li jinsab iż-Żejtun. Hu wieġeb mhux ħati li fis-26 ta’ Lulju u fit-22 ta’ Settembru li għaddew seraq minn dan il-maħżen.

Manuel Abela nżamm taħt arrest preventiv wara li kien mixli wkoll li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li sar reċidiv, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti għax kien barra wara l-10pm, xi ħaġa li ma setax jagħmel fuq ordni tal-Qorti.

L-Ispettur Melvyn Camilleri qal lill-Qorti li r-raġel jidher fuq filmat tas-CCTV fiż-żewġ okkażjonijiet, bl-aħħar filmat għad irid jiġi mgħoddi lill-Pulizija. Minkejja li Abela qed jiċħad li hu l-persuna li jidher fil-filmat, l-Ispettur Camilleri qal li ħu l-akkużat identifikah bħala l-persuna li daħal jisraq.

L-Avukat Martin Fenech deher għall-akkużat, filwaqt li l-Ispettur Johann Fenech mexxa l-Prosekuzzjoni flmkien mal-Ispettur Melvyn Camilleri.