Lokali

Ritratti: Residenti f’villaġġ żgħir fl-Istati Uniti jingħaqdu mal-Maltin fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza

Hekk kif il-Ħadd li għadda pajjiżna ċċelebra l-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, iċ-ċelebrazzjonijiet jidhru li qasmu x-xtut u daru d-dinja. Dan hekk kif grupp ta’ residenti f’villaġġ żgħir fl-Istati Uniti wkoll fakkar it-twelid ta’ pajjiżna.

Il-villaġġ Malta, li jinsab fit-tramuntana ta’ New York, ukoll fakkar l-Indipendenza ta’ pajjiżna minħabba li l-villaġġ jismu l-istess. Għaldaqstant, il-grupp żgħir ta’ residenti fil-villaġġ Amerikan organizza mixja fis-Saratoga State Park bi bżieżaq bojod u ħomor, kif ukoll bil-bandiera Maltija.

Matul din l-attività, huma ħadu l-okkażjoni biex jippromwovu lil pajjiżna billi tkellmu ma’ dawk li ltaqgħu dwar l-istorja tagħna. Fi tmiem il-mixja, huma ħallew il-bżieżaq itiru b’simbolu tal-Indipendenza li kiseb pajjiżna 50 sena ilu. Dan il-ġest kien akkumpanjat mid-daqq tal-Innu Malti.

Fuq Facebook, il-grupp ta’ residenti fil-villaġġ Amerikan Malta qalu li l-Ħadd filgħaxija stess, propju f’Jum l-Indipendenza, kien organizzat riċeviment filwaqt li wasslu l-awguri lil pajjiżna.