Sport

Rodgers kuntent biż-żgħażagħ

Il-manager ta’ Liverpool faħħar l-attitudni tal-plejers żgħażagħ wara r-rebħa kontra Middlesbrough. Middlesbrough kienu salvaw draw ta’ 2-2 fl-aħħar minuta f’Anfield u kelhom ikunu l-penalties li iddeċidew il-partita u kelhom bżonn jingħataw 27 penalty biex Liverpool eventwalment ikkwalifikaw għall-fażi li jmiss.

“Il-plejers baqgħu kalmi sal-aħħar f’mument diffiċli. M’hijiex faċli għal plejer żagħżugħ biex iżomm il-kalma f’dan il-grawnd taħt din il-pressjoni. Kuntent li għaddejna imma żgur li ma nistgħux naqilgħu gowls hekk. Il-jum ta’ qabel il-logħba domna nipprattikaw il-penalties u kuntent li meta l-plejers ġew għall-mument ta’ prova ma iddiżappuntawx,” qal Rodgers.

Fl-istess waqt Rodgers qal li issa jittama li l-plejers jibdew jiffukaw fuq id-derby ta’ Merseyside ta’ nhar is-Sibt kontra Everton. “S’issa l-affarijiet ma tantx marru tajjeb dan l-istaġun u nittama li b’rebħa kontra Everton inqumu fuq saqajna,” qal Rodgers.
L-aħħar darba li partita tal-League Cup bil-penalties intemmet 14-13 kien f’Awwissu tal-2011 meta dakinhar Dagenham għelbu lil Redbridge. Dan hu rekord u r-rekord assolut fil-futbol Ingliż hu meta sena ilu Brockenhurst għelbu lil Andover 15-14 fil-Hampshire Senior Cup.

Wenger ifaħħar lill-avversarji
Il-manager ta’ Arsenal Arsene Wenger faħħar lill-avversarji Southampton wara li dawn tal-aħħar rebħulhom 2-1 fit-tielet rawnd mil-League Cup. Il-Gunners kienu marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Sanchez wara kwarta logħob bi free kick mil-aqwa. Madankollu Southampton dawwru r-riżultat b’gowls ta’ Tadic u Clyne. Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 12-il sena li Arsenal tilfu f’dan l-istadju ta’ din il-kompetizzjoni.

“Ir-raġuni għaliex tlifna kienet il-wirja tal-avversarji. It-telfa ma kinitx tort tal-plejers tagħna. It-tim li lgħabna kontrih kien aqwa minna. Konna bdejna tajjeb imma aktar ma beda jgħaddi ħin aktar bdejna nħalluhom deħlin fil-partita,” qal Wenger. Il-manager Franċiż qal li l-uniku punt pożittiv tas-serata kien il-fatt li Abou Diaby irritorna minn injury wara ħafna problemi.

WEST HAM UTD – Rapporti fil-ġurnali Ingliżi qed isostnu li West Ham Utd x’aktarx mhux se jaqsmu l-grawnd il-ġdid tagħhom ma’ Tottenham. West Ham Utd ingħataw id-dritt li mil-2016 dawn jibdew jilagbu fl-Istadium Olimpiku u b’hekk mhux se jibqgħu jilagħbu aktar f’Upton Park. Matul l-aħħar snin Tottenham u Leyton Orient ukoll kienu talbu biex ikunu huma li jilagħbu fl-Istadium Olimpiku. Tottenham issa għandhom pjanijiet biex jinbu grawnd ġdid imma jidher li dan il-grawnd mhux se jkun lest għall-istaġun 2017-2018 u b’hekk huma kienu qed jittamaw li sakemm jitlesta l-grawnd ikun hemm klab ieħor li miegħu jaqsmu l-grawnd. Madankollu l-Viċi Kap Eżekuttiv ta’ West Ham Karren Brady qalet li l-klabb mhux se jaqsam il-grawnd ma l-ebda klabb ieħor.

EVANS – Id-difensur ta’ Man Utd Jonny Evans mistenni jdum madwar xahar barra minħabba injury fl-għaksa. Dan wara li weġġa’ fi tmiem il-ġimgħa fit-telfa kontra Leicester. Din mhux l-ewwel darba li Evans kellu problemi fl-għaksa hekk kif sentejn ilu dan kien operat fiha. Dan ifisser li nhar is-Sibt li ġej il-manager Louis Van Gaal irid jara b’liem difensuri se jibda kontra West Ham Utd għax Blackett hu sospiż wara li tkeċċa filwaqt li Phil Jones għadu qed jirkupra minn injury fil-hamstring. Hu mistenni li Luke Shaw se jagħmel id-debutt tiegħu minn meta ingħaqad mar-Red Devils mingħand Southampton. Rojo u Chris Smalling x’aktarx se jibdew fin-nofs tad-difiża.

MILNER – Il-midfielder ta’ Manchester City James Milner qal li m’għandux għaġla biex iġedded il-kuntratt mal-klabb. Il-kuntratt attwali ta’ Milner jiskadi fi tmiem l-istaġun u City jridu joffru kuntratt ieħor lil Milan imma dan tal-aħħar l-ewwel se jara kemm se jkun qed jilgħab futbol b’mod regolari qabel ma jiffirma. Dan l-istaġun Milner, fl-ewwel tliet partiti tal-kampjonat beda minn fuq il-bank imma fl-aħħar żewġ logħbiet kontra Arsenal u Chelsea beda mal-ewwel 11. F’kummenti li ta Milner, plejer li għandu 28 sena, qal jixtieq jibqa’ mal-klab imma fl-istess ħin ma jridx ikun ma’ klabb li miegħu ma jkunx jista’ jilgħab regolari.