Sidien ta’ propjetà qed jakkużaw liċ-Ċentru għall-Konferenzi f’Dar il-Mediterran (MCC) li tellifhom €69,000 li kellu jingħata lilhom fuq propjetà esproprijata fil-Belt. Fi protest, li ġie ppreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili minn Lilian Victoria Cassar, Josette Mizzi, Alfred Cassar u Sylvana Magrin kontra d-Dipartiment tal-Artijiet u l-MCC, ingħad li daħlu fi ftehim ta’ tpartit u kumpens mad-Dipartiment u l-MCC minħabba t-teħid ta’ propjetà ghal skop pubbliku fir-residenza 94/95, Triq l-Isptar il-Qadim fil-Belt.
Is-sidien qalu li f’dak il-kuntratt hemm imniżżel li rċievew somma ta’ €200,413 bħala kumpens fi flus kontanti u sar trasferiment ta’ appartament numru 3, Block 1, Triq il-Mediterran fil-Belt, li ġie vvalutat €30,968.55. Il-protest jgħid li, madankollu, qabel ma sar l-att finali, Lillian Victoria Cassar kienet daħlet fi skrittura privata ma’ ċertu Ray Attard, li kien qed jidher għan-nom tal-MCC, fejn hemm miktub li apparti kunsiderazzjoni monetarja ta’ €200,000, il-flat kellu valur ta’ €100,000.
B’hekk, din is-somma globali li dwarha ftehmu l-kontedenti ġġib ammont totali ta’ €300,000. Għalhekk, meta sar il-kuntratt finali u l-appartament ġie trasferit favur Lilian Victoria Cassar, Josette Mizzi, Alfred Cassar u Sylvana Magrin, li kellhom fi Triq il-Meditteran kellu valur mhux ta’ €100,000 kif miftiehem, iżda biss ta’ €30,968.55. Min-naħa l-oħra, il-kumpens fi flus kontanti baqa’ l-istess. Dan ifisser li d-Dipartiment tal-Artijiet u l-MCC naqsu milli jagħmlu tajjeb għad-differenza ta’ madwar €69,000 wara li l-MCC kienet għamlet skrittura privata bi ftehim differenti.
Il-protest, li kien iffirmat mill-Avukati David Camilleri u Joseph Gatt, jgħid li għalhekk jonqos li jitħallas ammonta ta’ €69,000 u għaldaqstant, filwaqt li jżommu lid-Dipartimenet u lil MCC responsabbli għad-danni, il-protest qed jitlobhom biex fi żmien ġimgħatejn min-notifika tal-protest iħallsu lill-inkwilini l-ammont li baqa’ x’jiħallas bl-ispejjeż tal-proċeduri ġodda u bl-interessi b’kollox.
//= $special ?>

