Residenti li joqogħdu qrib l-Iskola Primarja tal-Mellieħa, u ġenituri li jibgħatu lil uliedhom f’din l-iskola, jinsabu mħassba u nkwetati dwar it-trabijiet u inkonvjenti oħrajn li nħolqu minħabba xogħlijiet li bdew isiru madwar l-iskola.
Persuna li tiffrekwenta z-zona ta’ spiss qalet li ssoltu l-aċċess għall-iskola kien ikun minn tliet bnadi iżda issa, minħabba x-xogħolijiet, dawn tnaqqsu għal wieħed u allura issa t-tfal qed jgħaddu minn bieb wieħed li jinsab fil-ġenb ta’ l-iskola.
Iż-żona quddiem il-bieb prinċipali ta’ l-iskola tinsab maqlugħa kollha u hemm numru ta’ inġenji mekkaniċi li jistgħu jkunu ta’ periklu. Is-sors li tkellmet magħna qalet li l-ġnien ukoll jinsab maqlugħ kollu.
Jidher li l-ħaddiema qed jaħdmu l-ħin kollu u mhux wara nofsinhar, meta tispiċċa l-iskola u t-tfal jkunu laħqu rritornaw id-dar.
Qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-aħħar ta’ Mejju, kienet twaħħlet tabella b’tagħrif li kienu se jsiru x-xogħolijiet, b’apoloġiji bil-quddiem għal kull inkonvenjent li jista’ jinqala’.
Flok saru b’mod immedjat, ix-xogħolijiet bdew madwar ġimagħtejn ilu, propjru ftit jiem biss qabel il-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida.
Xi ġenituri tat-tfal avviċinaw lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u ressqu l-ilmenti tagħhom dwar il-periklu mill-inġenji u t-trakkijiet kif ukoll minħabba t-trabijiet fl-arja. Diversi tfal li jbatu mill-ażma u mill-hay fever tant ħassewhom ma jifilħux, li saħansitra ġew ordnati mit-tobba biex jibqgħu d-dar.
Persuna oħra li tkellmet magħna qalet li waqt li kien għaddej it-tħammil u t-tqattigħ fil-blat mill-inġenji mekkaniċi, żdiedu wkoll it-trakkijiet fit-triq li ħolqu iżjed periklu, kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri meta jiġu biex iwassluhom jew jiġbruhom mill-iskola. Xi persuni li tkellmu magħna qalulna li din il-ġimgħa, waqt li t-tfal kienu deħlin l-iskola, kien hemm il-gafef ibattlu t-terrapien għal fuq it-trakkijiet.
Ix-xogħolijiet qed ikun konċentrati fil-ġnien ta’ l-iskola minn barra, liema ġnien tħammel u tħaffer kollu. Fl-aħħar jiem, ta’ l-anqas, sar fens bħala mezz ta’ lqugħ u fl-istess ħin bħala sigurta’.
Madankollu, waqt li kienu għaddejjin ix-xogħolijiet, ġie osservat li nqalgħu numru ta’ siġar minn posthom u ħadd ma jaf x’sar minnhom.
Kollox ma’ kollox, ir-residenti u l-ġenituri tat-tfal qed jistaqsu għaliex ix-xogħol beda issa meta seta’ sar fil-vaganzi tas-sajf.
//= $special ?>