Futbol Sport

7 timijiet ser jieħdu sehem fit-tieni edizzjoni tal-MSV Life Masters Football League

Seba’ timijiet se jkunu qed jieħdu sehem fit-tieni edizzjoni tal-MSV Life Masters Football League. Dan tħabbar mill-President tal-Masters Football Malta, Mario Meli waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar il-kampjonat ta’ din is-sena. It-timijiet huma dawk ta’ Attard, Mosta, Rabat, Żurrieq, Mqabba BOV u Sliema.

Hu spjega fiex jikkonsisti l-Masters Futbol li jintlagħab bejn timijiet bi plejers li jkollhom 35 sena jew aktar.

It-timijiet huma ta’ sitt plejers li jilagħbu f’pitch ta’ 30 metru b’60 metru u l-partiti jkunu ta’ 25 minuta kull taqsima. F’dan it-tip ta’ logħob ma jkunx hemm offsides u jsiru wkoll sostituzzjonijiet.

Il-President tal-assoċjazzjoni l-ġdida li twaqqfet f’Jannar qal li fl-ewwel kampjonat kienu ħadu sehem ħames timijiet fejn Valletta kienu rebħu l-kampjonat u Żurrieq il-kompetizzjoni Knock-Out.

Il-logħob se jkun qed jerġa’ jsir kull nhar ta’ Ħamis fil-ground ta’ Hat-Attard fis-7 p.m. u t-8 p.m.

L-ewwel partiti se jkunu Attard v Żurrieq, Mosta v Mqabba u Rabat v BOV waqt li Sliema telgħu bye.

Mario Meli qal li din hi kompetizzjoni li ssir kull sena f’ħafna pajjiżi u f’ċertu postijiet ikun hemm ukoll kompetizzjoni internazzjonali. Huwa qal li l-Brażil għandhom tim li jdur id-dinja jagħti esibizzjonijiet bi plejers ta’ fama bħal Luis Pereira, Rivellino, Jairzinho, Careca u oħrajn fejn il-leġġendarju Pele hu l-President onorarju.

Meli qal li l-ideja ta’ dan it-tip ta’ futbol mhumiex ir-riżultati iżda logħob bejn ħbieb li jieħdu pjaċir u jagħtu pjaċir lid-dilettanti hekk kif l-iskor finali mhux importanti.

Huwa ħabbar ukoll li dawk il-klabbs tal-futbol li jixtiequ jiffurmaw tim jistgħu jikkuntattjaw lill-Assoċjazzjoni fuq marmel40@hotmil.com jew rmassa@go.net.mt u jingħataw kull għajnuna.

Waqt l-istess konferenza tħabbar li l-istabbiliment L’Aroma Restaurant ta’ Tas-Sliema permezz tal-proprjetarju Mario Pisani din is-sena se jkun qed jisponsorja l-Kompetizzjoni Knock-out tal-Masters Futbol.

Mario Meli rringrazzja lil Pisani li qal li mill-ewwel emmen fl-isforz ġenwin tal-assoċjazzjoni. Il-kompetizzjoni tintlagħab jen it-timijiet kollha fi ħdan l-assoċjazzjoni anke dawk li jissieħbu matul l-istaġun.