Il-Ħadd filgħaxija waqt riċeviment organizzat mill-Partit Nazzjonalista fi Ġnien l-Indipendenza, fl-okkazjoni tal-50 sena mill-kisba tal-indipendenza ta’ Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tenna li f’pajjiżna għandna jkollna jum nazzjonali wieħed: dan il-jum għandu jkun l-21 ta’ Settembru, Jum l-Indipendenza.
Messaġġ li qanqal ir-reazzjoni ta’ bosta, fosthom tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li fi stqarrija mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, qal li kummenti bħal dawn mill-Kap tal-Oppożizzjoni jqanqlu firda flok għaqda f’pajjiżna.
Dan meta b’kuntrast, Simon Busuttil fid-diskors tiegħu qal li l-Indipendenza għandha tkun jum nazzjonali wara li fl-aħħar jiem rajna lil pajjiż magħqud jiċċelebra festa waħda.
Iżda dwar dan id-dibattitu tkellimna mal-Professur Henry Frendo u Desmond Zammit Marmara, li kienu mistiedna waqt diskussjoni organizzata fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, mill-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista u l-Kumitat tal-Partit Laburista tal-lokal. L-attivita’, f’forma ta’ diskussjoni bit-tema “50 sena indipendenza, it-triq ‘il quddiem”, kienet mmexxija minn Alessia Psaila Zammit u rat is-sehem ukoll tal-inġinier Mark Anthony Sammut. Attendew ukoll għalih id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus u s-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina.
Fil-kumment tiegħu, Desmond Zammit Marmara qal li għandu jinstab qbil dwar il-Jum Nazzjonali fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali. Il-Jum jew Jiem Nazzjonali għandhom ikunu okkażjoni ta’ għaqda.
Jispikka l-kumment tal-Professur Frendo li qal li l-Jum Nazzjonali għandu jkun biss wieħed, Jum l-Indipendenza. Fl-aħħar mill-aħħar, jum l-Indipendenza huwa l-qofol ta’ kisba li l-poplu Malti ilu jaħdem għaliha għal sekli sħaħ matul l-istorja tiegħu, temm jgħid il-Professur Frendo.
Segwi l-kummenti fil-filmat.
//= $special ?>