Il-kaċċa hi waħda minn dawk il-kwistjonijiet fejn irid jintlaħaq bilanċ serju. Hi kwistjoni li fiha l-agħar li jiġri hu meta jkun hemm politikanti li jarmu s-serjetà u l-bilanċ u jagħżlu l-kaċċa għall-voti. U li mbagħad ikollhom ibatu l-konsegwenzi.
Bilanċ serju dwar il-kaċċa
Mill-2004, meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, kellna bilanċ dwar il-kaċċa. Kaċċa fir-rebbiegħa skont id-deroga miksuba mill-Gvern Nazzjonalista fin-negozjati għas-sħubija, u anke fil-ħarifa. U infurzar bis-serjetà tar-regolamenti – li jdejjaq lil uħud.
Difiża fil-Qorti Ewropea
Ma’ dawn, kien hemm difiża mill-Gvern Nazzjonalista tal-kaċċa fir-rebbiegħa fil-kawża li l-Kummissjoni Ewropea għamlet fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u li l-Gvern Malti rebaħha billi anke għalaq l-istaġun biex ma jidhirx qed jisfida l-Qorti.
Kaċċa għall-voti minn Joseph Muscat
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista, u Joseph Muscat b’mod partikolari, lagħab logħba bil-maqlub. Għamel kaċċa għall-voti. Żiegħel b’min idejqu l-infurzar serju. Ta x’wieħed jifhem li kulħadd jista’ jagħmel li jrid.
Sinjal lil min ried jikser il-liġi
Tela’ fil-gvern u għażel it-triq tat-teatrin: shows għall-media, imma fir-realtà infurzar mill-anqas. Illaxka r-regolamenti. Ittrasferixxa l-biċċa l-kbira tal-pulizija tat-taqsima li tagħmel l-infurzar. Is-sinjal li ħa min ried jikser il-liġi kien ċar: tista’ tagħmel li trid.
Ksur li seta’ ġie evitat b’infurzar serju
U ġara dak li wieħed seta’ jimmaġina: ksur kbir tal-liġi, minn ftit, li b’infurzar serju ma kienx jiġri. Imma Muscat jista’ jinforza meta ttrasferixxa lil dawk stess li jridu jinfurzaw? U allura l-Prim Ministru kellu jagħmel dak li seta’ evita kieku ma tax l-idea li kulħadd jista’ jagħmel li jrid: kellu jagħlaq l-istaġun tal-ħarifa kmieni ħafna.
Il-ħafna li jirraġunaw
Il-vjolenza tal-ftit li marru jipprotestaw kontra l-għeluq tal-istaġun nhar l-Indipendenza hi kundannabbli. Imma l-ħafna li jirraġunaw issa jistgħu jibdew jindunaw li l-infurzar serju hu fil-fatt fl-interess tagħhom u ta’ kulħadd.
Nuqqas ta’ infurzar li wassal għal talba biex isir referendum
In-nuqqas ta’ infurzar mill-Gvern Laburista ma wassalx biss għall-għeluq tal-istaġun tal-ħarifa tliet ġimgħat kmieni, imma wassal ukoll biex jintalab referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. Kollu tort tan-nuqqas ta’ infurzar minn Joseph Muscat.
Konsegwenzi li Muscat ġabhom b’idejh
Joseph Muscat illum mhu qed jagħmel xejn ħlief ibati l-konsegwenzi tal-iżbalji tiegħu. Meta ma infurzax bis-serjetà imma għażel biss it-teatrin, Muscat ġab b’idejh referendum fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa, ġab b’idejh l-għeluq tal-istaġun tal-ħarifa kmieni, u ġab b’idejh l-aqwa biċċa propoganda għar-referendum kontra l-kaċċa.