Ekonomija Lokali

Edward Scicluna jgħid li t-tkabbir ekonomiku huwa impossibli

It-tkabbir ekonomiku huwa impossibli għalissa, fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona Ewro.

Huwa b’dan il-mod li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna tkellem dwar l-ekonomija Ewropea, fejn qabbel ir-riċessjoni ekonomika li għaddiet minnha l-Ewropa ma’ daqqa ta’ karozza li Malta għadha taħtha.

Dan waqt djalogu organizzat nhar l-Erbgħa mill-Kumitat ta’ Azzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, il-MEUSAC fl-okkażjoni tal-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru tal-Finanzi matul dan id-djalogu ammetta li d-dejn hu xi ħaġa kerha. Dan minkejja li kien hemm żieda fid-dejn ta’ pajjizna ta’ iktar minn 8% għall-ewwel sitt xhur tal-2014 meta mqabbel ma’ dawk tas-sena ta’ qabel.

Numru ta’ opinjonisti b’reazzjoni għal din l-aħbar kienu qalu li d-deficit ġej miż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern, bil-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’Lulju li għadda jikkwota l-figura ta’ madwar €25 miljun f’żieda ta’ pagi għal persuni impjegati mal-Gvern Laburista. Dan meta l-istatistika wriet li fl-istess perjodu, is-settur pubbliku kiber b’madwar 1,500 ruħ, kien tenna l-Partit Nazzjonalista.

Iżda fid-diskors tiegħu l-Ministru tal-Finanzi ammetta li matul is-sena mhux darba u darbtejn kellu jgħid le lil Ministru meta talbuh flus għal proġetti tagħhom minħabba nuqqas ta’ fondi.

Hu ddeskriva l-baġit tas-sena li għaddiet bħala investiment minħabba li, fi kliemu, għal kull sold li ħareġ il-Gvern, stenna żewġ soldi lura minħabba l-ekonomija Maltija.

Dan meta fl-istess waqt semma’ kif kien il-Gvern Laburista li ġabar il-kredibilta’ ta’ pajjiżna quddiem il-Fondazzjoni Monetarja Internazzjonali, l-IMF, minħabba li l-ekonomija tagħna kienet f’dawl aħmar fis-snin ta’ qabel, fi kliem l-istess Ministru.

Filwaqt li tenna li jieħu gost bil-kritika tal-Oppożizzjoni għax din issaħħaħ il-pożizzjoni tal-Gvern, il-Ministru Edward Scicluna qagħad lura milli jiżvela d-dettalji tal-baġit li jmiss, iżda qal li fih il-Gvern Laburista se jkun qed iħares iktar lejn l-aspett soċjali ta’ pajjiżna.