Patrick Camilleri, infermier fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, qal li hu kien kellem u ra lil Erin Tanti (ritratt) hekk kif ittella’ mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, fejn minkejja l-waqgħa kien f’sensieh sew u luċidu. Camilleri qal li tant kien f’qagħda tajba li t-tim mediku baqa’ jistenna t-tlugħ tal-katavru minflok ittieħed mill-ewwel l-Isptar. Meta l-infermier iċċekkja l-polz u l-pressjoni ta’ Tanti, kollox kien sew u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jittieħed immedjatament l-Isptar.
Ix-xhieda ta’ Camilleri nstemgħet quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, meta llum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Erin Tanti, ta’ 23 sena mill-Belt, mixli bil-qtil tal-istudenta tiegħu tad-drama Lisa Marie Zahra. Tanti, li hu għalliem tad-drama, qed jiġi mixli li qatel lil Zahra u li għenha tikkommetti suwiċidju. Lisa Marie kienet instabet mejta taħt l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fid-19 ta’ Marzu li għadda.
F’ħin minnhom missier il-vittma, Tony Zahra, ħareġ mill-Awla għax ma bediex iħossu f’siktu. Kien emozzjonat ħafna meta x-xhud qal li l-akkużat kien ilu f’sensih taħt l-irdumijiet minn filgħodu u kien waranofsinhar li talab għall-għajjut. Ix-xhud kompla li hu kien mgħajjat biex jassisti persuni fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli iżda hu u sħabu ma setgħux jilħqu l-persuna li kienet taħt l-irdumijiet. Għalhekk, talbu għall-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-membri tal-FAM tellgħu lill-akkużat u poġġewh f’ambulanza iżda sa dak il-ħin, ma kienx jaf li kien hemm persuni oħrajn involuti. Kien Tanti stess li qallu li kien ma’ tfajla, li kienu ħadu xi pilloli għax riedu jneħħu ħajjithom u għalhekk iddeċiedew li jaqbżu. Ix-xhud kompla li Tanti qallu li kif raw li dan ma seħħx, l-ewwel qabżet hi umbagħad qbaeż hu. Qallu li ma kienx hemm problemi psikjatriċi, iżda problemi familjari għax hu ma kienx ġie aċċettat mill-familja tagħha, l-aktar minn missierha u ħuha.
Xehed ukoll Mark Ciangura, ħaddiem li jaħdem fir-residenza ta’ Zahra, li qal li darba sab lil Lisa Marie bid-demm ħiereġ minn idejha. Sab ukoll soft toy li fih kellu xafra miksura. Ix-xhud iddeskriva li lejliet l-inċident innota karozza pparkjata barra mir-residenza tal-akkużat. Mill-cameras tas-sigurtà ra lil Lisa Marie dieħla flimkien ma’ persuna oħra fir-residenza. Ftit wara, hu ċempel lil ħu Lisa Marie għax missier it-tfajla kien imsiefer.
Ciangura kompla li darba sab ix-xfafar fil-kamra tal-vittma u li mesħilha jdejha b’xugamann, li spiċċa mimli bid-demm. Qal li kien irċieva telefonata mingħand missier Lisa Marie u spjegalu dak li ġara. Filgħaxija reġa mar id-dar ta’ Zahra u sab lil Lisa Marie fuq it-telefon. Hu tkellem mal-vittma u qalilha li mhux sew li ddaħħal lil xi ħadd id-dar meta missierha ma kienx hemm, anke għax kienet għadha taħt l-età. Dakinhar sar rapport lill-Pulizija.
Ix-xhud qal li l-għada, ġie infurmat li Lisa Marie ma tistax tinstab. Qal li mar ir-residenza ta’ Zahra iżda mill-cameras tas-sigurtà ma rriżulta xejn. Daħal ukoll fil-kamra ta’ Lisa Marie u qal li kulma ħadet magħha kienu l-ħwejjeġ ta’ fuqha u l-mobile. Rega’ sar rapport ieħor l-Għassa u l-Pulizija marru d-dar biex jinvestigaw il-każ. Il-ħaddiem qal li din kienet l-ewwel darba li Lisa Marie baqgħet waħedha d-dar meta missierha kien imsiefer. Issoltu kienet tkun għand in-nanna tagħha fil-Belt.
Aktar kmieni, xehed ukoll is-Surġent Anton Zammit, mill-Għassa tan-Naxxar. Hu qal li fid-19 ta’ Marzu mar Ħad-Dingli, fejn ra ħellikopter itella’ katavru. Fejn kien il-katavru nstabet ġakketta, li fiha kien hemm xi ċwievet, qalziet u żarbun. Għall-ħabta tat-8am għamlu tfittxija f’karozza tat-tip Mazda, li kienet fil-post u kienet magħluqa, fejn sabu 13-il aspirina, flixkun whiskey, envelope b’madwar €2,500 u żewġ ċekkijiet. Min-naħa tiegħu, is-Surġent Anthony Degiovanni qal li fit-tfittxija nstabu wkoll baskett bil-ħwejjeġ u par żarbun.
Xehed ukoll Luke Vella, li dakinhar kien ma’ grupp ta’ żgħażagħ f’Dingli Cliffs. Hu qal li waslu filgħodu biex jikkampjaw u meta waslu biex jagħmlu barbecue semgħu lil xi ħadd jgħajjat għall-għajjut. Qal li huma rawh fuq blata, iżda kien madwar 100m ‘il bogħod. Vella kompla li meta raw lil Tanti ħasbuh rieqed. Żied li f’xi ħinijiet rawh miexi fuq irkupptejh qabel ma semgħuh jgħajjat għall-għajnuna għall-ħabta tal-4pm. Għalkemm kien ‘il bogħod, bdew ikellmuh iżda Tanti fl-ebda ħin ma qalilhom li kien hemm persuna oħra miegħu.
Min-naħa tiegħu, Darren Scerri qal li kien preżenti għall-barbecue u ra lil Erin meta huma kienu f’għalqa. Tenna li l-akkużat kien qed jitkaxkar ‘il fuq, iżda ma għamel xejn biex jitlob għall-għajnuna. Madankollu, aktar tard hu beda jgħajjat għall-għajjut u meta staqsewh x’ġara, Tanti qalilhom li kien bil-għatx u li kellu l-għadam miksur. Qal li kienu huma li ċemplu għall-ambulanza wara li Tanti qal lil sħab ix-xhud li kien waqa’.
Xehed ukoll l-Avukat Stephen Farrugia Sacco, li tqabbad bħala espert tal-IT. Qal li hu ma kiex ingħata l-password ta’ accounts tal-vittma biex jara l-konverżazzjonijiet tagħha, iżda kiseb ftit informazzjoni u snap shots minn AskFM. Spjega li fuq il-profil tal-Facebook tal-vittma kien hemm numru ta’ posts minn AskFM. L-account li sab ma kienx għadu attiv, iżda jaf li kien għadu attiv sal-21 ta’ Novembru.
Xehdet ukoll it-Tabiba Maria Grech, li taħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza u li dakinhar tal-każ kienet eżaminat lil Erin Tanti, li qalet li mill-eżamijiet irriżulta li kellu feriti gravi. Kien f’sensieh u setgħet tkellmu, iżda ma tiftakarx x’qalilha. Hi esebiet ir-rapport li għamlet fuq l-akkużat.
Min-naħa tiegħu, il-Psikjatra Joseph Spiteri, li kien eżamina lil Erin Tanti, spjega li kien ingħata l-inkarigu tiegħu mill-Pulizija fuq ordni tal-Maġistrat Stafrace Zammit, li quddiemha kienet instemgħet l-inkjesta. Qal li hu rrapporta kollox lilha, filwaqt li meta ra lill-akkużat l-għada tal-każ iddikjara li Tanti kien f’pożizzjoni li jkellem lill-Pulizija.
Għal darb’oħra, waqt il-kumpilazzjoni Erin Tanti kien akkumpanjat minn missieru, li kien maġenbu l-ħin kollu, u tassistieh kien hemm ukoll inferemiera. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Josric Mifsud. L-Avukati Joseph Giglio, Gianella de Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru bħala parti ċivili f’isem il-familja Zahra. Il-każ se jkompli jinstema fil-31 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>

