Id-diżordni li teżisti fil-Korp tal-Pulizija qed twassal biex tiġi mminata l-ġustizzja f’pajjiżna. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana. Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fid-dawl ta’ intervista mal-Ministru tal-Intern Manwel Mallia, ippublikata fil-ġurnal The Malta Independent, li fiha ħabbar li mhux se jittieħdu passi kontra l-eks Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Il-każ jitratta deċiżjoni tal-eks Kummissarju tal-Pulizija li jwaqqa’ l-akkużi kontra raġel li f’Ġunju 2013 daħal fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar u agredixxa erba’ Uffiċjali tal-Pulizija. Dwar il-każ kienet infetħet inkjesta, li s’issa l-konklużjonijiet tagħha baqgħu mhux ippubblikati. Il-Ministru Mallia qal biss li r-rapport tal-inkjesta kien fattwali iżda ma ġiex ippubblikat u ma ngħatat l-ebda garanizja li se jiġi ppubblikat.
Fid-dawl ta’ dan, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi staqsa kif il-Ministru jista’ jiġi emmnut meta għal aktar minn darba qal ħaġa iżda għamel ħaġa oħra. Fost każijiet oħrajn, Jason Azzopardi fakkar f’meta Manwel Mallia wiegħed li se jwaqqaf grupp ta’ Uffiċjali inkarigati minn krimini marbuta mat-turiżmu, iżda wara żewġt’Isjuf baqa’ ma sar xejn. Staqsa wkoll kif iħossuhom l-Uffiċjali tal-Pulizija meta wieħed minnhom safa aggredit f’Għassa tal-Pulizija iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
Jason Azzopardi staqsa wkoll x’kuraġġ se jkollhom iċ-ċittadini onesti li jmorru jagħmlu rapport ta’ ksur ta’ Liġi meta l-ġustizzja qed tiġi mminata b’dan il-mod. Kompla li hu ironiku li, filwaqt li l-Parlament qed jiddiskuti pieni eħrex għal min jagredixxi Uffiċjali tal-Pulizija, fl-istess waqt persuna li agredixxa erba’ Uffiċjali f’Għassa tal-Pulizija ħelisha bla ġustizzja.
//= $special ?>