Anzjan ta’ 77 sena, residenti tas-Sliema ingħata probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li nstab ħati li nhar it-Tlieta filgħaxija waddab barmil awrina mħallta bl-ilma ta’ “air conditioner” fuq Noel Agius minn Tas-Sliema.
Giovanni Caruana instab ħati li nhar it-Tlieta, għall-ħabta tas-6.25 p.m. kiser il-kundizzjonijiet impostu fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati. Kif tressaq il-Qorti Caruana beda jgħid li kien ta’ pjaċir kbir għalih li waddab l-awrina li ħalliha tiffermenta fix-xemx għal ġimgħat sħaħ fil-gallarija tiegħu.
Il-problemi bejn Caruana u Agius ilhom sejrin għal madwar sena u dawn fuq propjeta’ li kienet ta’ missier Agius fejn kien hemm xi diverġenzi dwarha. Quddiem il-Maġistrat Carol Peralta għaddeja wkoll kawża fejn l-anzjan allegatament barax diversi karozzi tal-ġirien fosthom ta’ Noel Agius.
Agius qal fuq il-pedana tax-xhieda li kull darba li jiltaqa’ ma’ Caruana dejjem joffendih bi kliem ħażin u jagħmillu mossi oxxeni, kif għamillu anke fil-Qorti. Agius qal li għall-ħabta tas-6.00 p.m. wasal fil-post tiegħu f’Tas-Sliema bil-mutur u Caruana li kien fl-appartament tiegħu fir-raba’ sular, beżaqlu. Kif ħares il-fuq l-anzjan waddabblu barmil b’ilma maħmuġ. Hu qal li mill-ewwel mar jagħmel rapport lill-Pulizija dwar.
Caruana xehed minn naħa tiegħu li huwa Agius li dejjem joffendih u li darba sa ħebb għalih. Fil-bidu tal-kawża kien hemm battibekk dwar min kellu jiddeffendi lil Caruana, li qal li ma sabx il-ħin isib avukat peress li kien arrestat. Minn naħa tiegħu l-avukat tal-għajnuna legali Joe Ellis qal li Caruana għandu mezzi biex jiddeffendi lilu nniffsu għaliex kellu diversi avukati jiddeffenduh fil-passat.
Wara ħafna battibekki, l-Avukat Ellis aċċetta li jiddeffendi lil Caruana. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli sabet lil Caruana ħati wkoll li fl-istess ħin kiser il-paċi pubblika, li nġurja u hedded lil Agius u li xeħed ħmieġ lejn persuna. Huwa ma nstabx ħati li bi traskuraġni xeħet l-ilma.
Għal Agius deher l-Avukat Gianluca Caruana Curran li talab lill-Qorti biex Caruana jitlef il-ħelsien mill-arrest u jintbagħat il-ħabs talli kiser il-kundizzjonijiet u talli kien qed ikun “ta’ fastidju kontinwu”. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetur Jason Francis Sultana.
//= $special ?>