Qorti

Jason Galea jħallas il-pleġġ ta’ €60,000

Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, li jinsab mixli bi tliet omiċidji ħallas il-pleġġ ta’ €60,000 u issa jinsab bil-libertà proviżorja, anke jekk taħt house arrest. Galea ħallas bi flus kontanti t-€30,000 fi pleġġ dwar il-qtil ta’ Mario Camilleri, ta’ 51 sena magħruf bħala “L-Imnieħru”, u ta’ ibnu Mario Jr (ritratt).

Dan il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, li fih hemm mixli wkoll George Galea, ta’ 42 sena minn San Ġiljan. Jason Galea qed jiġi mixli wkoll bil-qtil tal-eks xufier tat-taxi Matthew Zahra. Dan il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, u fih ukoll kien imponut fuqu depożitu ta’ €30,000, li għamel tajjeb għalihom permezz ta’ ipoteka fuq propjetà.

Minkejja li ngħata l-libertà proviżorja, Galea xorta waħda jrid jibqa’ taħt house arrest u jista’ joħroġ biss, biex jiffirma darbtejn kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa bejn id-9am u l-10am, kif ukoll bejn is-6pm u s-7pm. Hu kien ingħata l-libertà proviżorja f’Lulju li għadda.

Jason Galea, flimkien ma’ Ronald Urry, ta’ 49 minn Raħal Ġdid, huma mixlijin bil-qtil ta’ Matthew Zahra, ta’ 27 sena mill-Belt. Zahra kien għeb fil-15 ta’ Awwissu 2012 u nstab midfun f’għalqa fil-Qajjenza f’Lulju 2013 meta kienet qed issir tfittxija għal Mario Camilleri u ibnu, li nstabu wkoll fil-madwar.

Għal Jason Galea qed jidher l-Avukat Joe Gilgio, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Anzjan Chris Pullicino u l-Ispetturi Michael Mallia, Fabian Fleri u Louise Calleja. L-Avukati Joe Brincat u Raphael Fenech Adami qed jidhru għan-nom tal-familja Camilleri.