L-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qed jipproponu studju qabel deċiżjoni dwar l-airstrip f’Għawdex. Filwaqt li taqbel li Għawdex għandu jsaħħaħ l-aċċessibbiltà tiegħu, l-FAA temmen li għandhom isiru aktar studji dwar il-vijabbiltà tal-proġett ta’ airstrip f’Għawdex. Fi stqarrija, l-FAA qalet li fl-isfond li s-servizzi ta’ ajruplan u ta’ ħelikopter fallew t-tnejn, u qabel tkun sagrifikata aktar art għal airstrip, il-proġett għandu jkun akkumpanjat minn studju dwar is-sostenibbiltà tal-proġett. Dan għandu jsir ukoll qabel issir l-applikazzjoni għall-proġett quddiem il-MEPA.
FAA qalet li dan il-proġett mhux se jkun ta’ benefiċċju għall-Maltin u Għawdxin li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer bil-karrozzi, filwaqt li s-servizz mhux se jkun aċċessibbli għall-istudenti u n-nies normali.
Fost il-mistoqsijiet li għandhom ikunu mwieġba, hemm il-kontribut li l-airstrip se tagħti għall-ekonomija, il-ħoss li l-airstrip se tikkaġuna, l-effett li dan se jkollu fuq l-industrija tal-lukandi 5-star u x’effett se jkollha fuq l-industrija ġenerali tat-turiżmu.
Elementi oħrajn li jridu jkunu kkunsidrati huma l-effetti fuq l-art agrikola f’Għawdex u li l-airstrip se ssir madwar 185m ‘l bogħod mit-Torri storiku ta’ Santa Ċilja u anqas minn 100m ‘l bogħod mill-Kappella medjevali protetta ta’ Santa Ċecilja.
//= $special ?>