Jason Zammit ta’ 40 sena minn Għajnsielem, Għawdex ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena wara li nstab ħati mill-Maġistrat Neville Camilleri li f’Ġunju tal-2011 u qabel kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar ta’ għamla mhux magħrufa mingħajr ma kien kopert bil-liċenzja.
Huwa nstab ħati wkoll li kkunsinnja l-istess arma u li sar reċidiv b’sentenzi mogħtija lilu mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-15 ta’ Frar 2007 u fid-29 ta’ Settembru 2009. Zammit li l-każ tiegħu nstema’ fil-Qorti ta’ Għawdex ma nstabx ħati ta’ miżappropjazzjoni ta’ l-istess arma billi dawwar għalih bi profitt biex jieħu vantaġġ minnha.
Dwar l-akkuża ta’ miżappropjazzjoni, l-Qorti qalet li “dan ir-reat iseħħ meta wieħed jirċievi flus jew xi ħaġa oħra minghand xi ħadd, bl-obbligu li jrodd dawk il-flus jew dik ix-xi ħaġa lura jew li jagħmel użu minnhom b’mod speċifiku, u minflok ma jaghmel hekk billi jdawwar dawk il-flus jew dak l-oġġett bi profit għalih jew ghal ħaddieħor”.
Minkejja li l-imputat jgħid li s-senter ħadu għand ċertu Charles German biex dan isewwihulu, Charles German caħad. Mid-depozizzjonijiet mogħtija mill-mara ta’ Charles German, u mit-tfal tiegħu, li lkoll xehdu f’dawn il-proċeduri, minn imkien ma jirriżulta li Charles German f’xi ħin kellu s-senter li l-imputat jgħid li għaddielu.
Minkejja li l-Qorti tista’ tispekula dwar dak li setgħa ġara, madanakollu dawn huma biss konġetturi u xejn ibbażat fuq provi konkreti fl-atti sostniet l-istess qorti. Fuq l-akkużi l-oħra dawn ġew ippruvati. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frank Anthony Tabone.
//= $special ?>