Lokali

Filmat: 50 sena Nazzjon 50 borża demm

Il-Ġimgħa Radio 101 organizza l-ewwel jum ta’ attivita’ mifrux fuq jumejn – attivita’ b’għan nobbli bl-isem 50 sena Nazzjon 50 borża demm.

L-attivita’ bdiet għal ħabta tas-siegħa ta’ wara nofsinhar u kienet waħda mill-attivitajiet b’rabta mal-ħamsin sena Indipendenza ta’ pajjiżna. Anniversarju li kien iċċelebrat fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Ħamsin sena Nazzjon ħamsin borża demm kienet attivita’ ta’ suċċess hekk kif kienu ħafna dawk li żaru l-istudios ta’ Radio 101 biex jagħmlu dan il-ġest nobbli.

George Galea li hu l-preżentatur tal-breakfast show ta’ Radio 101, kien l-organizzatur prinċipali tal-attivita, hekk kif kull filgħodu kien jagħmel minn kollox biex iħeġġeġ lis-semmiegħa jkunu parti mill-attivita’.

U dawk li żaru l-istudios ta’ Radio101, bi tbissima fuq wiċċhom, qasmu magħna r-raġuni ghaliex għazlu li jagħtu d-demm.

L-amministrazzjoni ta’ Radio 101 tixtieq tirringrazzja lis-semmiegħa tal-istazzjon u lill-pubbliku li għamlu dan kollu possibbli u wara kollox talli għenu lil min qed jistenna tama ta’ ħajja.

Il-mira tibqa’ li jingabru 50 borża demm u l-bibien tas-swali ta’ Radio101 għada se jkunu miftuħin għal pubbliku, biex ikompli jagħti dan ir-rigal prezzjuz.