F’dawn l-aħħar jiem il-klabb ta’ Inter PUPI Zanetti Malta organizza attività b’turija ta’ solidarjetà lejn it-tfal li jgħixu fi djar apposta. Din saret fil-Palazz Verdala l-Buskett taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.
Matul l-attività t-tfal ipparteċipaw f’ħafna logħob imħejji mill-grupp ta’ animazzjoni Bronk Productions. Apparti minn hekk, it-tfal kollha setgħu jieħdu dawra madwar il-Palazz Verdala fuq iż-żwiemel u l-ponies ipprovduti mill-Montekristo Estates u l-Montekristo Equestrian Club grazzi għall-assistenti kollha tal-Magħtab Racing Club. Preżenti wkoll l-uffiċjali ta’ St. John’s Ambulance.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca iltaqgħet mat-tfal kollha kif ukoll tkellmet dwar ċertu sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw l-amministraturi tad-djar.
Hija faħħret l-inizjattiva li ħa l-klabb Inter Club Pupi Zanetti li mhux biss ħaseb li jippromwovi lill-klabb Taljan Inter imma l-għan aħħari tiegħu kien li jorganizza avvenimenti ta’ din ix-xorta biex iferraħ lil min jinsab f’sitwazzjonijiet diffiċli. Coleiro Preca irringrazzjat lil Mons. Victor Zammit McKeon għad-dedikazzjoni qalbiena li ta u għadu jagħti lid-djar fl-aħħar snin.
Il-President ta’ l-Inter Club Pupi Zanetti Paul Fenech irringrazzja lil Marie Louise Coleiro Preca talli aċċettat li jsir dan il-festin għat-tfal kollha. Fenech ippreżenta lill-President ta’ Malta rikordju bħala ringrazzjament kif ukoll ippreżenta donazzjoni ta’ €100 b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Fenech temm billi irringrazzja lill-assistenti kollha li offrew is-servizzi u l-prodotti tagħhom mingħajr ħlas għal din l-okkażjoni.
//= $special ?>