Editorjal

Editorjal : Ir-rikkezza tal-lingwi

Illum jaħbat il-Jum Ewropew tal-Lingwi, imwaqqaf biex nirriflettu fuq il-lingwi li huma bżonn u dritt ta’ kull bniedem, biex napprezzaw kemm hawn lingwi differenti, u biex nitgħallmu aktar lingwi ma’ dik materna, mal-ewwel lingwa tagħna.

Għarfien nazzjonali u internazzjonali għall-Malti
Kull fejn kien hemm u għad hemm il-bniedem, hemm il-lingwi. U biex napprezaw il-lingwi, l-ewwel irridu napprezzaw tagħna. Bħalissa qed niċċelebraw il-50 sena tal-Indipendenza li fil-fatt għamlet l-ilsien Malti l-lingwa nazzjonali ta’ Malta. U għaxar snin ilu, l-ilsien nazzjonali tagħna kiseb ukoll għarfien internazzjonali meta sar lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-avanz tal-Malti
Meta tqis li ilu biss 90 sena li l-Malti adotta s-sistema ta’ kif jinkiteb, il-Malti avanza ħafna. Hu veru li l-Malti qed ibati minn kundizzjonijiet li qed ibatu minnhom anke lingwi kbar bħat-Taljan, u veru wkoll li qed jinbidel bħalma jinbidlu l-lingwi kollha.

Mifrux ħafna f’Malta
Imma hawn ukoll għarfien u ħidma ferm akbar favur il-Malti bit-twaqqif, disa’ snin ilu, tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Il-pubblikazzjonijiet u l-letteratura bil-Malti żdiedu. U, minkejja li nistgħu naħsbu mod ieħor, kważi l-Maltin kollha jitkellmu bil-Malti u jqisuh bħala l-ewwel lingwa tagħhom: 97 fil-mija; aktar minn kemm hemm nies fil-Ġermanja jitħaddtu bil-Ġermaniż.

Mira ta’ żewġ lingwi oħrajn
Dan jirriżulta minn stħarriġiet konsistenti, anke tal-Eurostat. Għax l-Unjoni Ewropea għandha politika importanti dwar il-lingwi u tistħarreġ sewwa liema lingwi huma mitkellma fejn u kemm. U għandha mira ewlenija li, apparti dik tagħna, inkunu nafu wkoll żewġ lingwi oħrajn.

Fuq quddiem nett
U f’din il-mira, aħna l-Maltin qegħdin fuq quddiem nett. Studju li sar tliet snin ilu wera li t-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel Maltin hu fost l-aħjar fl-Ewropa. Stħarriġ ieħor juri li 60 fil-mija tal-Maltin, apparti l-Ingliż, jafu wkoll it-Taljan. U ċifri li ħarġu lbieraħ mill-Eurostat juru li s-sistema tal-edukazzjoni f’Malta fl-2012 kienet tgħallem ammont kbir ta’ studenti lingwi Ewropej oħra bħall-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ispanjol.

Il-lingwi jagħnu l-ħajja
Il-Malti għandna bżonnu dejjem biex nitkellmu u niftehmu hawn mal-bqija kważi kollha tal-Maltin u, aktar, biex ikollna sehem l-aktar sħiħ fid-deċiżjonijiet li jorbtuna; dik hi d-demokrazija lingwistika. Mal-Malti, it-tagħlim ta’ lingwi oħrajn jaqblilna fl-edukazzjoni u fix-xogħol għax aħna nikkomunikaw ħafna mal-barranin, u wkoll biex induqu d-diversità tal-lingwi li hawn fid-dinja, u magħhom il-letteratura u l-kultura ta’ dawk li jitħaddtuhom u li jarrikkixxu l-esperjenza tagħna bħala bnedmin.