Swieqi Phoenix Handball Club jippreparaw b’taħriġ fi Sqallija
L-istaġun lokali tal-Handball se jibda fi tmiem din il-ġimgħa fejn se jkunu qed jieħdu sehem rekord ta’ 43 tim li bejniethom jinvolvu madwar 600 plejer f’diversi kategoriji. L-istaġun il-ġdid se jkun jinkludi xejn anqas minn 220 logħba.
Illum se jintlagħbu l-finali taż-żewġ Supercups u bħas-soltu l-logħob se jsir fil-Kumpless Sportiv tal-Università. Fl-ewwel Diviżjoni tan-nisa fis-2 p.m. il-holders La Salle Unique jiltaqgħu kontra r-rivali eterni u Champions renjanti Aloysians Żmerċ waqt li fil-kategorija tal-irġiel iċ-Champions tal-istaġun li għadda La Salle Rivareno jiltaqgħu kontra l-finalisti tan-Knock-Out Luxol.
Sadanittant Swieqi Phoenix Handball Club ippreparaw għal dan l-istaġun il-ġdid bi tliet ijiem taħriġ fi Sqallija. Għal dan il-kamp ta’ taħriġ kien hemm 28 plejer mit-timijiet tal-irġiel u n-nisa u kienu akkumpanjati minn tliet kowċis u erba’ uffiċjali. It-taħriġ kien wieħed impenjattiv ħafna b’aktar minn sitt sigħat kuljum u partiti ta’ ħbiberija.
It-tim tan-nisa kellu l-ewwel esperjenza ta’ kompetizzjoni internazzjonali meta lagħab kontra tim Sqalli waqt li dak tal-irġiel lagħab ma’ timijiet tas-Serie A u kiseb riżultati pożittivi kontra Palermo Kelona u Aetbna Mascalucia.
Dan l-istaġun Swieqi Phoenix HC se jkun qed jikkompeti b’7 timijiet fosthom dawk tal-U/15 u U/17 tas-subien, U/17 tal-bniet kif ukoll b’timijiet tal-irġiel u n-nisa fit-Tieni Diviżjoni.
Din is-sena t-timijiet se jkunu mmexxija minn Michael Christensen u Bjarte u Annalena Fuglenes.
Dan l-aħħar il-klabb nieda wkoll l-akkademja tiegħu tal-handball għal subien u bniet bejn l-10 u l-15-il sena bit-taħriġ isir kull nhar ta’ Tlieta fil-5 p.m.fil-gym tal-kulleġġ St. Martins. Aktar informazzjoni fuq info@psc.com.mt or 79449359.
//= $special ?>