Kif kien mistenni, Josef Bugeja kien il-magħżul biex jieħu post Tony Zarb fit-tmexxija tal-General Workers Union. Kienet il-GWU stess li fi stqarrija kkonfermat li Bugeja se jkun is-Segretarju Ġenerali l-ġdid fi tmiem it-terminu ta’ Zarb għax kien l-uniku wieħed li tefa’ n-nomina.
Il-fatt li Bugeja hu l-uniku kandidat għall-kariga, juri li dan kien il-magħżul mill-bidu nett, minn meta sar Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU fl-aħħar ta’ Jannar li għadda. Dakinhar, hu kien ħa post Michael Parnis, li rriżenja mill-kariga wara 14-il sena. Jidher li Parnis kien għażel li jwarrab mill-GWU wara li tilef l-appoġġ ta’ Zarb u anke tal-President Victor Carachi.
B’hekk, fil-Konferenza Ġenerali li jmiss, Josef Bugeja se jkun qed itellaq waħdu għall-ogħla kariga fil-GWU. Fl-istqarrija, il-GWU qalet li Bugeja se jaħdem spalla ma’ spalla ma’ Tony Zarb u li din l-għażla hi fl-aħjar interess tal-Union.
Tidher li kienet ix-xewqa tal-amministrazzjoni tal-GWU li turi li tinsab magħquda wara din l-għażla. Fil-fatt, in-nomina li biha Bugeja se jkun qed jikkontesta waħdu kienet iffirmata minn Tony Zarb innifsu u ssekondata mill-President Victor Carachi u s-Segretarji tat-taqsimiet kollha tal-Union.
//= $special ?>