Ftit jiem biss ‘il bogħod mis-smigħ ta’ Karmenu Vella għan-nomina ta’ Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-għaqda Bird Life Malta elenkat it-tħassib tagħha dwar il-kaċċa f’ittra indirizzata lil Karmenu Vella.
Fl-ittra, l-għaqda Bird Life Malta tgħid li l-Kummissarju Ewropew il-ġdid għall-Ambjent għandu jistudja b’lenti imparzjali u oġġettiva l-implimentazzjoni tad-deroga li tippermetti l-kaċċa fir-Rebbiegħa f’Malta.
L-ittra tkompli tgħid li, wara l-introduzzjoni tal-insib matul din il-Ħarifa, il-gvern qed jirriskja li jkun hemm żieda fil-proċeduri ta’ ksur kontra pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan, il-Bird Life titlob azzjoni immedjata dwar dan.
Filwaqt li faħħret l-għeluq kmieni tal-istaġun tal-kaċċa, Bird Life Malta qalet li tqis li l-problemi li ġġib magħha l-kaċċa jistgħu jkunu limitati biss b’regoli nazzjonali iktar stretti u b’implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
Fi tmiem l-ittra Bird Life Malta ssejjaħ lil Karmenu Vella biex jibni l-fiduċja bejn l-NGOs, il-kaċċaturi u l-gvern; jappoġġja skemi ta’ moniteraġġ tal-għasafar; jaħdem favur l-illimitar tal-kaċċa; jindirizza l-kaċċa u l-insib illegali madwar l-Unjoni Ewropea u jassigura l-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
//= $special ?>