Il-Partit Nazzjonalista lest li jgħin lil Gvern biex jagħmel l-aħjar użu mill-fondi li rnexxielna niksbu għal pajjiżna għas-seba’ snin li ġejjin. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet bis-sehem tad-Deputati Antoine Borg u Marthese Portelli, fid-dawl tal-fatt li l-Gvern naqas milli jibda jagħmel użu mill-fondi ta’ 1,128 miljun ewro minkejja li diġa’ għaddew 9 xhur minn meta sirna eleġibli għalihom.
Dan, spjega l-Partit Nazzjonalista, minkejja li l-Gvern qal li għandu kollox lest sa mil-Lulju li għadda, wara li ntemm proċess ta’ konsultazzjoni, minkejja s-70 proposta li l-Partit Nazzjonalista kien għadda matul dan iż-żmien. Dan huwa iktar ta’ tħassib minħabba li meta wieħed jidħol fis-sit uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jsib li Malta hi waħda mill-pajjiżi li s’issa għadha ma ġietx approvata biex tagħmel użu minn dawn il-fondi, minħabba li l-Gvern naqas milli jibgħat id-dettalji taż-żewġ programmi operazzjonali li hemm bżonn biex pajjiż membru jibda juża l-fondi Ewropej.
Filfatt, is-sit juri li pajjiżna ta biss id-dettalji ta’ programm operazzjonali wieħed, b’kuntrast ma’ 16-il pajjiż membru li diġa’ bdew jagħmlu użu mill-fondi għax taw id-dettalji kollha mill-ewwel. Il-kelliema għal partit qal li dan imur ‘il bogħod ħafna minn dak li ġara fl-2007, meta pajjiżna kien l-ewwel mill-istati membri kollha li kien ġie approvat għal fondi, minħabba li għadda d-dettalji kollha neċessarji. Huwa ta’ tħassib ukoll il-fatt li minħabba dan in-nuqqas fl-użu tal-fondi, f’pajjiżna naqas l-investiment fl-industrija u l-manifattura, tant li s-sit uffiċjali tal-Malta Enterprise qed iħabbar li 18-il skema lil intrapriżi kellhom jinżammu magħluqin, għallinqas għalissa.
Għalhekk, fl-interess tal-pajjiż kollu, il-Partit Nazzjonalista qed joffri li jgħin lil Gvern biex jgħaddi d-dettalji kollha neċessarji lil Unjoni Ewropea, biex b’hekk pajjiżna jkun jista’ jgawdi minn iktar minn biljun ewro ta’ fondi li ksibna taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.
//= $special ?>