Wara l-aġġornament tal-aħbarijiet tas-6pm, illejla bdiet fuq NET Television il-maratona “Sfida51”. Din il-maratona ta’ 51 siegħa qed ssir biex jinġabru fondi b’numru ta’ mistiedna li qed jgħixu taħt il-lenti tal-cameras fl-istudios ta’ NET Telvision.
Bħalissa qed jieħdu sehem tmien personalitajiet: Louise Tedesco, Graham Sansone, Clarisa Ellul, David Thake, Charmaine Parnis, Jean Claude Micallef, Matthew Mamo u Chris Micallef, li huma maqsumin fiż-żewġ timijiet tal-Alfa u l-Omega. Il-maratona tasal fi tmiemha l-Ħadd fid-9pm.
Matul “Sfida51”, ir-residenti se jkunu qed jieħdu sehem f’numru ta’ logħob, bil-pubbliku jkun jista’ jċempel u jagħti d-donazzjoni tiegħu ta’ €5. Ma’ kull telefonata, wieħed ikun jista’ jivvota wkoll għat-tim favorit tiegħu.
Il-preżentaturi kollha tal-iskeda l-ġdida ta’ NET Television, li tibda t-Tnejn li ġej, se jkunu qed jingħaqdu mar-residenti tal-isfida fil-logħob u l-avvenimenti kollha li se jkunu qed jiġu organizzati. Matul l-isfida se jixxandru wkoll partijiet minn programmi ta’ Radio 101, bid-DJs jingħaqdu fil-kollegament televiżiv waqt li jkunu qed jinstemgħu fil-programmi rispettivi tagħhom.
Il-pubbliku hu mħeġġeg jagħti sehmu bit-telefonati, bid-donazzjonijiet kollha se jgħinu lil Media.Link Communications fl-operat tagħha. Dan minbarra li kulmin iċempel se jkollu ċ-ċans jirbaħ premji li se jkunu qed jingħataw matul il-51 siegħa.
L-isfida se tieqaf biss għal madwar sagħtejn għada waranofsinhar, minħabba li l-parteċipanti se jitħallew iħallu s-Sala biex jagħtu l-aħħar tislima lill-kollega David Chircop.
//= $special ?>