Il-liġi tal-WhistleBlowers Act daħlet fis-seħħ f’Settembru tas-sena li għaddiet iżda l-Gvern flimkien mal-Oppozizzjoni, ħasbu li tkun idea tajba jekk matul din is-sena, kemm ilha li daħlet fis-seħħ din il-liġi, jiġu organizzati workshops u finalment seminar biex tkompli tiżviluppa u tiffunzjona sew il-liġi.
Kien għalhekk li l-Ġimgħa kien organizzat is-seminar li preżenti għalih kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Kelliem tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi li ndirizzaw wkoll konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Owen Bonnici fakkar kif din il-liġi kellha tlett miri. L-ewwel waħda biex tinqered il-korruzzjoni minn naħa tal-politiċi, hi liġi li tipproteġi lill-informatur u finalment biex ikunu regolati l-finanzjamenti tal-partiti politiċi. Jekk jintlaħqu dawn il-miri kompla jgħid il-Ministru Bonnici, pajjiżna jasal għal Governanza aħjar.
Minn naħa tiegħu Jason Azzopardi wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-Gvern u l-Oppozizzjoni qed isibu l-koperazzjoni ta’ xulxin biex il-liġi tal-WhisleBlowers Act titħaddem sew.
B’hekk tisaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Xi ħaġa li m’għandiex tiġri biss fis-settur pubbliku imma anke fil-privat.
Il-kelliem tal-Oppozizzjoni ppropona li l-liġi tkun estiża ghall-forzi ta’ dixxiplina, jiġifieri għall-Pulizija u l-Forzi Armati.
Jason Azzopardi temm jgħid li din il-liġi li kienet tfasslet f’amministrazzjoni preċedenti hi parti mill-pedament tad-demokrazija għaliex fl-aħħar pajjiżna għandu liġi li tipproteġi lil min jinforma kaz ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku, li konsegwenza tiegħu kien jispiċċa jħallas id-danni l-poplu u l-informatur.