Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Al Pacino jinsisti li l-film postu ċ-ċinema

L-attur Amerikan Al Pacino stqarr li hu ma setgħax jifhem kif wieħed jista’ jgawdi film meta jaraħ fuq telefone ċellulari , tablet jew laptop.
Al Pacino qal li biex wieħed jieħu ġost jara film, dan irid imur ċ-ċinema. Hu qal li meta wieħed jara film fuq smartphone, jitlef ħafna mid-dettal li jkun hemm fil-film. Kummenti li għalihom kien hemm applaws kbir  mill-udjenża li kien qed jindirizza fil-British Film Institute hekk kif kien qed ikun onorat.
Pacino, li għandu 74 sena, stqarr li hu stess kien sorpriż bid-differenza meta ra film tiegħu l-ewwel fuq screen żgħar u wara raħ f’ċinema. Hu qal li l-unika eċċeżżjoni fejn kien jiskuża lil xi ħadd kien meta wieħed jara film fuq ajruplan għaliex hawn wieħed ma jkollux għażla.
Al Pacino ngħata l-ogħla unur li l-British Film Institute jista’ jagħti għal karriera li tinkludi films bħal dawk ta’ The Godfather, Scarface u Scent of a Woman.