L-iSpeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia enfasizza l-importanza ta’ Parlament li għandu jkun ħieles kompletament minn kull influwenza tal-Eżekuttiv biex titgawda u tkun imħarsa l-awtonomija vera ta’ Parlament. L-iSpeaker Anġlu Farrugia għamel din id-dikjarazzjoni meta llum kien qed jipparteċipa fid-disa’ Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti tal-Istati Żgħar Ewropej, li qed tiltaqa’ f’Andorra.
L-iSpeaker tkellem ukoll dwar l-importanza li l-poplu jkollu fiduċja fil-politiċi biex tissaħħaħ dejjem aktar il-governanza demokratika. Fisser li din tista’ biss titgawda bi struttura regolatorja li tanalizza u tħares lejn imġieba etika tal-Membri Parlamentari. Irrimarka wkoll li Malta miexja f’din id-direzzjoni bil-ħatra fil-futur qrib ta’ Kummissarju għall-Imġieba Xierqa fil-Ħajja Pubblika.
Fl-intervent tiegħu, l-iSpeaker Farrugia rrefera wkoll għall-importanza li l-Parlament ikun viċin in-nies mingħajr ebda distinzjoni. F’dan ir-rigward tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Parliamentary TV Channel, li għandu jitwaqqaf possibbilment fil-ġimgħat li ġejjin, flimkien max-xandiriet live permezz tal-internet.
Aktar kmieni …
Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti fl-Istati Żgħar Ewropej
L-iSpeaker Anġlu Farrugia qed jipparteċipa fid-disa’ Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti fl-Istati Żgħar Ewropej, li qed tiltaqa’ f’Andorra. Il-Konferenza, li għaliha qed jattendu wkoll l-Iżlanda, Liechtenstein, il-Lussemburgu, Monaco, il-Montenegro, San Marino u Andorra, qed tiddiskuti materji kurrenti ta’ interess għall-Parlamenti fi Stati Żgħar Ewropej, l-irkuprar mill-kriżi ekonomika fl-Istati Żgħar u l-kontribuzzjoni ta’ Stati Żgħar għall-Governanza Demokratika.
L-iSpeaker enfasizza l-kredibbiltà li tgawdi internazzjonalment Malta fil-kriżi u fl-għajnuna lil-Libja biex pajjiżna jikseb lura l-governanza b’koperazzjoni bejn il-Parlament u n-Nazzjonijiet Uniti. L-iSpeaker Malti enfasizza li n-newtralità ta’ Malta hi essenzjali fl-għajnuna li tingħata f’din il-kriżi liż-żewġ naħat biex tressaq il-fazzjonijiet fil-Libja lejn xulxin għall-bidu ta’ diskussjonijiet li jistgħu jissarrfu f’benefiċċju għal kulħadd.
//= $special ?>