Qorti

Kważi sentejn ħabs wara li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina

Raġel mill-Imsida kien ikkundanntat b’kollox 22 xahar u nofs ħabs wara li ammetta li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Minbarra 18-il xahar ħabs għal dan ir-reat, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkundannat lil Vincent Cucciardi mill-Imsida għal erba’ xhur oħra priġunerija fuq ħsara volontarja li kien wettaq fl-2009, meta kien ġie lliberat bil-kundizzjoni. Hu ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €1,200.

Cucciardi kien inqabad b’20g kokaina li kienu maqsumin f’seba’ boroż lesti biex jinbiegħu. Il-Qorti qalet li għalkemm l-imputat ammetta, xorta ħela l-ħin tal-Qorti u r-riżorsi tal-Pulizija. Għalhekk m’għandux jibbenefika minn xi tnaqqis fil-piena għax irreġistra l-ammissjoni. Akkuża minnhom kienet ukoll li wettaq ir-reat fil-konfini ta’ 100m minn skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

F’Jannar li għadda, Cucciardi ammetta l-akkużi miġjubin kontrieh. Minkejja dan, qabel tat is-sentenza l-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom il-kondotta tal-imputat fiż-żmien meta seħħ ir-reat. Din kienet tinkludi li nstab ħati b’pussess sempliċi ta’ ecstasy, reati kontra r-regolamenti tat-traffiku, ferita ta’ natura ħafifa, theddid u ħsara volontarja.

Dwar dawn ir-reati, l-imputat ingħata pieni ta’ twiddiba, ammenda, multa u f’erba’ okkażjonijiet libertà bil-kundizzjoni. Fl-istess waqt, il-Qorti qalet li minkejja li l-imputat ammetta f’dawn il-proċeduri, l-ammissjoni ma kinitx waħda bikrija. Fil-fatt, filwaqt li l-kawża nbdiet fit-12 ta’ Lulju 2012, l-imputat ammetta fis-seduta tat-22 ta’ Jannar li għadda.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li l-imputat wettaq ir-reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ libertà bil-kundizzjoni għal perjodu ta’ tliet snin. Skont din is-sentenza, l-imputat kien instab ħati taż-żewġ imputazzjonijiet miġjubin kontra tiegħu, li kienu li kkommetta ħsara volontarja u sewqan b’nuqqas ta’ kont u traskuraġni.