Lokali

L-Air Malta tappunta lil Philip Micallef bħala Kap Eżekuttiv

L-Air Malta ħatret lil Philip Micallef bħala Kap Eżekuttiv ġdid tal-kumpanija.

Fil-kummenti tagħha fuq din il-ħatra, iċ-Chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef stqarret, li Philip għandu l-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa biex jimbotta ‘l quddiem din il-kumpanija u se jibda jokkupa l-kariga uffiċjalment fit-13 ta’ Ottubru 2014. Micallef stqarret li l-Bord qiegħed jaħdem bi ħġaru biex jaħtar il-kumplament tat-tim tal-maniġment fil-ġimgħat li ġejjin.

Fl-aħħar 30 sena, Philip Micallef okkupa diversi pożizzjonijiet f’karigi ta’ tmexxija fi ħdan ħafna organizzazzjonijiet Maltin u barranin kemm fis-settur privat u kif ukoll f’dak pubbliku.

Philip Micallef qal, li huwa konxju tal-isfidi li hemm quddiemu iżda huwa onorat li ġie inkarigat f’dan ir-rwol importanti fi ħdan kumpanija.

Huwa ħadem ma’ kumpaniji u organizzazzjonijiet fosthom Olivetti fl-Italja, l-Isvizzera u Spanja, National Cash Register ( NCR ) fil-Libja, France Telecom Equant u Société Internationale de Télécommunications Aéronautiques (SITA) fi Franza, l-Management Systems Unit, l-Malta Enterprise, l-Melita Cable u l-Awtorità Komunikazzjoni ta’ Malta, u dan l-aħħar fit-twaqqif tal-Awtorità Regolatorja fil-Bermuda.

Huwa għandu Baċellerat fl-inġinerija elettrika mill-Università ta’ Malta u għandu wkoll MBA mill-Università ta ‘ Warwick.